Żewġ żgħażagħ ta’ 15 u 17-il sena minn San Pawl il-Baħar ġew miċħuda l-ħelsien mill-arrest wara li tressqu l-Qorti akkużati b’serje ta’ serqiet minn lukandi, pussess u traffikar allegat tad-droga, filwaqt li l-iżgħar wieħed ġie akkużat ukoll b’reati relatati ma’ flus foloz.
Żewġ minorenni, ta’ 15 u 17-il sena, it-tnejn residenti San Pawl il-Baħar, tressqu quddiem il-Qorti akkużati b’għadd ta’ reati serji. Fost l-akkużi kien hemm serq aggravat, pussess ta’ droga f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitxgħall-użu esklussiv tagħhom u, fil-każ tal-iżgħar akkużar, traffikar allegat tal-kokaina u pussess jew użu ta’ flus foloz.
Iż-żewġ minorenni wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Qorti semgħet li flimkien huma akkużati b’żewġ serqiet aggravati minħabba l-valur tagħhom, allegatament minn żewġ persuni differenti minn żewġ lukandi differenti f’San Pawl il-Baħar, f’jiem separati. Skont il-prosekuzzjoni, waqt dawn is-serqiet kienu jisirqu basktijiet, mowbajls u tablets, li mbagħad allegatament iżommuhom huma.
It-tnejn huma akkużati wkoll b’pussess ta’ cannabis u kokaina f’ċirkostanzi li jindikaw li d-droga ma kinitx għall-użu personali tagħhom.
Barra minn hekk, il-minorenni ta’ 15-il sena qed jiffaċċja akkużi separati ta’ pussess jew użu ta’ flus foloz kif ukoll traffikar jew bejgħ ta’ kokaina. Il-minorenni ta’ 17-il sena huwa akkużat ukoll b’żewġ serqiet oħra li allegatament wettaq waħdu minn lukandi differenti fi ġranet separati.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni opponiet bil-qawwa. Il-prosekuzzjoni sostniet li, minkejja l-età żgħira ħafna tal-akkużati, dawn qed jiffaċċjaw akkużi serji ħafna u li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Fil-Qorti ġie spjegat li ż-żewġ minorenni allegatament ammettew li wieħed minnhom kien qed iżomm id-droga għall-ieħor. L-Ispettur Ivan Mifsud qal li dawn it-tnejn, la jaħdmu u lanqas jattendu l-iskola, u li dan il-fatt iġgħalu jaħseb x’kienu se jagħmlu bil-ħin liberu tagħhom jekk jingħataw il-ħelsien mill-arrest.Huwa qal li teżisti biża’ reali li jistgħu jkomplu jwettqu reati oħra u jidħlu aktar fil-ħajja kriminali.
Il-Qorti semgħet ukoll li kontra ż-żagħżugħ ta’ 17-il sena hemm kawża oħra pendenti relatata ma’ serq sempliċi, li fiha kien tressaq permezz ta’ ċitazzjoni u mhux taħt arrest.
“Jeħtieġu superviżjoni”
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Mifsud qal li ilu jaf liż-żewġ żgħażagħ minn qabel dan il-każ minħabba l-esperjenza tiegħu fil-Community Policing. Huwa spjega li, fil-passat, kien jaħdem mill-qrib ma’ skejjel, familji u entitajiet oħra sabiex jipprova jindirizza sitwazzjonijiet simili u jipprevjeni li tfal vulnerabbli jispiċċaw involuti fil-kriminalità.
Dwar il-minorenni ta’ 15-il sena, l-Ispettur qal li kien ilu juri sinjali ta’ mġiba kriminali minn età żgħira ħafna u li kien ilu ma jattendix l-iskola. L-ispettur qal li meta kellu madwar 14-il sena kien jiffrekwenta żoni magħrufa għat-traffikar tal-cannabis u saħansitra kien jisfida lill-pulizija billi jgħidilhom li ma setgħux iressquh il-Qorti minħabba li kien għadu minuri. L-Ispettur xehed ukoll dwar is-sitwazzjoni diffiċli fid-dar tal-minorenni. Qal li ommu taħdem sigħat twal, li t-tifel ma kellux saqqu fejn jorqod u kien iżomm il-ħwejjeġ tiegħu f’kaxxa. Skont ix-xhud, kien iqatta’ ħafna ħin barra mid-dar u xi kultant kien jorqod għand il-ħbieb u barra.
Żied li ommu kienet irrappurtat lill-pulizija li darba kien ilu nieqes għal madwar ġimagħtejn u li matul dak iż-żmien kien qed joqgħod mal-akkużat l-ieħor.
L-Ispettur qal ukoll li t-tifel kien darba qallu: “Ħuduni l-ħabs.”
“Wasal iż-żmien li jiffaċċjaw l-konsegwenzi. Ippruvajna nipprevjenu li jaslu sa hawn, iżda issa wasal f’dan l-istadju u għandhom jaffaċċjaw dak li għamlu għall-ġid tagħhom stess,” qal Mifsud.
Huwa żied li t-tifel iż-żgħir kien ilu juri problemi sa mill-iskola primarja u li ma kienx jieħu ħsieb l-iġjene personali tiegħu.
L-Ispettur sostna li n-nuqqas ta’ superviżjoni u ta’ appoġġ fid-dar kien fattur li kkontribwixxa għas-sitwazzjoni tiegħu u qal li l-minorenni “għandhom bżonn tbeżbiża”.
Il-prosekuzzjoni spjegat ukoll li għad fadal diversi xhieda importanti x’jixhdu, fosthom il-vittmi. Ġie spjegat li waħda mill-vittmi hija barranija u diġà telqet minn Malta, filwaqt li vittma oħra Maltija għadha trid tixhed, kif ukoll xhieda oħra pajżana.
Id-difiża: “Is-soċjetà falliethom”
L-avukat Rachel Tua argumentat li ż-żewġ minorenni qabdu triq ħażina iżda sostniet li ma setgħux jinżammu kompletament responsabbli għaċ-ċirkostanzi li trabbew fihom. Hija qalet li kienu trabbew f’ambjent familjari li ma kienx jipprovdilhom l-appoġġ meħtieġ u sostniet li s-soċjetà kienet falliethom. L-avukat argumentat li l-ħabs ma kienx se jsolvi l-problema u seta’ saħansitra jiggrava s-sitwazzjoni.
Minflok, hija sostniet li għandhom jingħataw l-għajnuna meħtieġa, inkluż akkomodazzjoni alternattiva jekk ikun hemm bżonn, flimkien ma’ kundizzjonijiet stretti sabiex jingħataw opportunità jerġgħu jaqbdu triq aħjar.
Hija żiedet li l-problema tal-abbuż tad-droga għandha tiġi indirizzata permezz ta’ trattament u saħansitra ssuġġeriet li l-każ seta’ jiġi indirizzat permezz tad-Drug Court.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni ġiet immexxija mill-Ispetturi Diane Agius u Ivan Mifsud flimkien mal-avukata tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Martina Calleja. L-avukat Rachel Tua dehret għaż-żewġ minuri. Il-Maġistrat Lara Lanfranco ppresediet il-każ.
