It-tkabbir ekonomiku f’Għawdex għall-aħħar snin baqa’ ħaj u sostnut. Fl-istess ħin, numru ta proġetti kbar imħabbra baqgħu fuq l-ixkaffa jew dejjem se jsiru f’futur qarib. Fosthom il-mina bejn Malta u Għawdex, l-ajruport, it-tkabbir tal-isptar hemmhekk, ix-xiri ta’ vapur ġdid għall-Gozo Channel, it-tkabbir tal-port tal-Imġarr… Mal-ewwel tnejn qatt ma qbilt għax m’għandix dubju aktar jagħmlu deni milli ġid.
Imma quddiem dan it-titjib li seħħ, x’konklużjoni tista’ tasal għaliha? Li bil-proġetti t-tkabbir kien jirranka aktar? Li bihom u mingħajrhom xorta? Li t-tkabbir fil-fatt ġie ġenerat prinċipalment mir-riżultati tajba ħafna li nkisbu f’Malta għax ta l-ispinta li Għawdex ħtieġ? L-aħħar fattur żgur għen (parti sostanzjali mill-ekonomija Għawdxija saret tiddependi fuq it-turiżmu intern) imma ma naħsibx li waħdu ġab it-tkabbir li seħħ.
Barra minn hekk, lil hinn mir-rata tat-tkabbir, wieħed irid jikkunsidra jekk fl-aħħar snin l-ekonomija Għawdxija ddiversifikatx biżżejjed jew ingħalqitx aktar f’numru anqas ta’ setturi ta’ ħidma?
***
SPAHN
Sa ġimagħtejn ilu, Jens Spahn kien mexxej tal-grupp parlamentari Demokristjan tal-Ġermanja fejn – jintqal – għamel xogħol tajjeb ħafna. Sadattant, bi spiża stmata ta’ kwart ta’ miljun ewro, hu u r-raġel tiegħu irranġaw fl-Istati Uniti ma’ mara li nkriet biex tikkonċepixxi u twelled it-tarbija tagħhom. Meta t-tarbija waslet, Spahn ta l-aħbar fuq ġurnal popolari u għarraf lill-kanċellier Merz bil-biċċa.
Fil-Ġermanja, il-liġi tipprojbixxi li ċittadini jikru “ġuf” biex ikollhom tarbija. Biss jekk jagħmlu hekk barra, xorta jistgħu jġibuha fil-pajjiż bħala l-wild tagħhom. Spahn ħaseb li dak li għamel se “jgħaddi”… Id-demokristjani Ġermaniżi huma kontra l-prattika ta’ “ġuf” li jinkera. Riċentement ġeddew b’vot fil-partit il-politika tagħhom kontra. Spahn tkellem fl-imgħoddi kontra.
Ir-rebus li qam kien enormi. Spahn kellu jirriżenja malajr.
Kien każ (forsi eċċezzjonali) fejn il-ħajja “privata” ta’ politiku marret wisq kontra n-normi li l-partit tiegħu… u hu nnifsu… riedu li japplikaw għall-ħajja privata tal-bqija taċ-ċittadini.
***
“STRESS TEST”
Waqt il-kriżi tal-ewro, iddaħħlet il-prattika msejħa tal-i“stress tests” għall-banek, li għadha viġġenti. Permezz tagħhom, ir-riżultati li bank jikseb jiġu mpoġġija għal bidla – ġieli qawwija – fiċ-ċirkostanzi li jkunu wassluhom għal riżultati tajba jew tajba ħafna. B’hekk jiġi mkejjel kemm bank jista’ jirrispondi għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi jekk jinqalgħu – anke bla mistennija.
Jidhirli li l-istess test jista’ u għandu jsir fuq aspetti oħra tat-tmexija ekonomika u soċjali – bħall-prodott gross domestiku; it-tmexxija tal-infrastruturali kritika – enerġija, internet, ilma; is-settur tas-saħħa… Wisq drabi, jiżviluppaw xenarji fejn għax l-affarijiet ikunu marru tajjeb, ma jkun sar kważi xejn biex jilqa’ għal meta jiġri l-maqlub.
