Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fetaħ id-diskussjoni b’rabta mat-tibdil propost fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ pensjonijiet għall-persuni separati jew divorzjati.
Il-Ministru Falzon beda biex spjega li għalkemm din il-liġi kienet diġà ġiet emendata, l-għan tagħha kien dejjem li soċjalment tirrifletti wkoll ir-realtajiet li għandna fis-soċjetà tagħna. “Illum qed naraw realtajiet ġodda li forsi sa ftit tas-snin ilu ma kinux jeżistu jew ma kinux daqshekk frekwenti.”
Spjega kif dan il-Gvern impenja ruħu sabiex jindirizza sitwazzjonijiet fejn faxxa ta’ persuni tista’ ssib ruħha f’diffikultà wara li jkunu sseparaw jew iddivorzjaw. Qal li ħafna drabi jirriżulta li waħda minn dawn il-konjuġi, fejn aktarx tkun il-mara, tkun qattgħet ħafna ħin marbuta max-xogħol tad-dar, bir-riżultat li ma tkunx ħadmet biżejjed u allura ma jkollhiex biżejjed bolol sabiex tirċievi pensjoni f’isimha stess.
Intqal illi l-Qorti se jkollha s-setgħa sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-parti tal-kontibuzzjonijiet li jkunu tħallsu matul iż-żwieġ, u li jistgħu jiġu akkredidati lill-konjuġi, li jkun ssagrifika ħafna mill-ħin tiegħu għax-xogħol tad-dar.
Tali akkreditatar, jibqa’ dejjem fid-deskrizzjoni assoluta tal-Qrati tagħna. B’hekk jiġi assigurat li l-konjuġi inkwistjoni tkun qed tingħata l-manteniment dovut lilha, b’mod aktar spedit.
Permezz ta’ dan l-Att, il-Qorti fid-deskrizzjoni totali tagħha, tista’ tordna lid-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, sabiex jittrasferixxi porzjon ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurta’ soċjali tal-konjuġi responsabbli għall-manteniment, lill-konjuġi li jkollha d-dritt tirċievi dak il-manteniment.
Dawn l-emendi applikabbli fid-diskrezzjoni tal-Qorti f’separazzjoni kontenzjuża u kif ukoll dik bonarja. Fejn hemm qbiel bejn il-partijiet u ċioe f’każ ta’ separazzjoni bonarja mbagħad ikun sta l-Qorti li tapprova dak miftiehem bejn il-partijiet, inkluż dwar il-kontribuzzjonijiet li jkunu tħallsu matul iż-żwieġ.