Friday, November 22, 2024

Engerer b’xogħol importanti fil-Kumitat tas-Saħħa għal żewġ derogi dwar il-mediċini għal Malta

Aqra wkoll

“Meta iċ-ċittadini jmorru jixtru l-mediċini mill-ispiżeriji għandu jkollhom s-serħan il-moħħ b’aċċess għal mediċini li jafu, li mdorrijin bihom u li jafdaw,” dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer waqt dibattitu importanti għal Malta fil-Parlament Ewropew dalgħodu.

It-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ħalla impatt qawwi fuq is-Suq Waħdieni tal-Unjoni, pero rridu nieħdu l-miżuri kollha neċċessarji biex niżguraw li prodotti essenzjali għall-bniedem bħall mediċini jkunu aċċessibli u affordabli għal kulħadd, saħaq Engerer f’indirizz lill-Kummissjoni Ewropea waqt diskussjoni fuq żewġ derogi speċjali għal Malta u żewġ pajjiżi oħra milquta b’mod dirett mill-Brexit.

Fil-Kumitat tas-Saħħa Publika fil-Parlament Ewropew, Cyrus Engerer spjega li dawn id-derogi huma essenzjali għal Malta u għaċ-ċittadini kollha Maltin għaliex bħala pajjiż għandna dipendenza storika ma’ mediċini prodotti fir-Renju Unit.  “Il-mediċini għall-bniedem huma essenzjali, bl-istess mod hi essenzjali l-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistemi tas-saħħa, kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq livell Ewropew,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew, filwaqt li enfasizza li dan qegħdin narawh bħalissa fil-ġlieda kontra l-pandemija Covid-19.  

“Filwaqt li nirringrazzja lill-Kummissjoni Ewropea tal-ħidma tagħha biex tinsab soluzzjoni temporanja, importanti li nsibu wkoll soluzzjoni permanenti għal din l-isfida,” kkonkluda Engerer fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew.

Hu saħaq li matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkun qiegħed ikompli jaħdem b’mod dirett mal-Kummissjoni Ewropea u sħabu mill-partiti politiċi l-oħrajn fil-Kumitat tas-Saħħa biex jintlaħaq qbil sodisfaċenti għaċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin. 

Sport