Il-programmi tal-festi tal- Milied u l-Ewwel tas-Sena għaddew u fi tmiem din il-ġimgħa jingħata bidu għat-tieni round jiġifieri t-tieni 19-il logħba għal kull team.
Bla dubju l-aktar logħba mistennija hija dik ta’ għada filgħaxija f’Anfield li fiha l-leaders Liverpool jilqgħu lil Manchester United. Dan mhux għax dawn tal-aħħar għandhom xi ċans li jilħqu lir-Reds fil-quċċata, iżda iktar biex wieħed jara x’se jagħmlu r-Red Devils meta bħalissa jinsabu fl-14-il post u iktar viċin ir-relegazzjoni milli biex post fiċ-Champions League.
Il-United ma jistgħux jkunu għaddejjin minn perjodu daqstant negattiv meta mill-aħħar sitt logħbiet ħadu rebħa biss u l-aħħar tlieta kienu kollha telfiet, xi ħaġa li ilhom ma jagħmlu għal 62 sena mindu fit-tmexxija kien hemm Sir Matt Busby.
It-team fit-tieni post, Nottingham Forest, se jagħlaq l-ewwel round meta nhar it-Tnejn jiltaqa’ ma’ Wolves f’Molineux bl-eks manager ta’ dawn tal-aħħar, il-Portugiż, Nuno Espirito Santo, jiffaċċja lill-Portugiż ieħor fil-bankina l-oħra.
Intant Vitor Pereira, li fl-ewwel tliet logħbiet fil-kariga kiseb seba’ punti minn rebħiet kontra Leicester (3-0) u Man United (2-0) u draw kontra Tottenham (2-2) meta l-players ġodda tiegħu jidhru li qed jemmnu iktar fihom infushom. Il-Forest ġejjin minn ħames rebħiet konsekuttivi wara telfa fl-aħħar sitt ħarġiet.
Arsenal, li jinsabu t-tielet, u lagħbu logħba iktar minn Liverpool, se jerġgħu jkunu away, din id-darba kontra Brighton wara li nhar l-Erbgħa marru għand Brentford u bdew is-sena l-ġdida b’rebħa ta’ 3-1.
Il-Gunners se jagħmlu minn kollox biex dan ix- xahar isaħħu t-team wara l-injury li sofra l-winger tal- Ingilterra, Bukayo Saka, li huwa pedina ferm importanti għalihom.
Min-naħa tas-Seagulls huma ħadu ħames draws u telfa mill-aħħar seba’ logħbiet. Ċertament mhux forma tajba li tarahom jisfidaw għal post fl-Ewropa.
Il-logħba li tiftaħ il-programm kmieni llum wara nofs in-nhar hija waħda intriganti li fiha Tottenham se jerġgħu jkunu home bl-avversarji tagħhom huma Newcastle li rebħu l-aħħar erba’ logħbiet li fihom skorjaw 13-il goal u ma sofrewx wieħed kontra Leicester (4-0), Ipswich (4-0), Aston Villa (3-0) u Manchester United (2-0).
Għalihom qed ikun protagonista l-attakkant Svediż, Alexander Isak, li f’Diċembru lagħab sitt logħbiet u fihom skorja tmien goals u ta żewġ assists.
Għaldaqstant, il-manager Eddie Howe, bħalissa huwa wieħed mill-aktar kuntenti meta tella’ lit-team fil-ħames post tliet punti biss wara Chelsea li jinsabu r-raba’.
Mhux l-istess jista’ jingħad għal Spurs li qed ikollhom wirjiet indifferenti tant li mill-aħħar sitt ħarġiet ħadu rebħa u draw u niżlu fil-11-il post.
Bournemouth, li jinsabu trankwilli bi 30 punt fis-seba’ post, ħadu 12-il punt mill-aħħar sitt logħbiet li kienu tliet rebħiet u tliet draws. L-avversarji tagħhom, Everton, ħadu sitt punti minn tliet rebħiet u tliet draws.
It-Toffeemen jinsabu żewġ punti biss iktar mit-tielet team mill-aħħar u għalhekk iridu jirbħu iktar punti milli qed jagħmlu bħalissa.
L-uniku derby f’dan il-programm huwa dak ta’ Londra li fih Crystal Palace jiltaqgħu kontra Chelsea li ġejjin minn draw u żewġ telfiet wara li kienu ħadu tliet rebiet wara xulxin.
Il-Palace qegħdin fuq iż-żona l-ħamra waqt li l-Blues, minkejja r-raba’ post li qed jokkupaw, ħadu skoss lura fit-tentattiv għat-titlu meta jinsabu 10 punti wara Liverpool u lagħbu logħba iktar minnhom.
Iċ-champions Manchester City li sa fl-aħħar irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Leicester City 2-0, fl-Etihad Stadium, wara li qabel ħadu żewġ draws u żewġ telfiet. Illum se jilqgħu lil West Ham li għandhom lil Mikhail Antonio u Jarrod Bowen imweġġgħin.
Min-naħa tal-Hammers huma ġejjin minn telfa umiljanti ta’ 5-0 f’darhom kontra Liverpool u dan juri l-biċċa xogħol kbira li għandu l-manager Spanjol, Julen Lopetegui, biex ibegħdhom mir-relegazzjoni.
Il-logħba l-oħra tal-lum tara lil Southampton f’darhom, St Mary’s Stadium, jiltaqgħu kontra Brentford li għadhom ġejjin minn telfa f’darhom kontra Arsenal.
Is-Saints rebħu sitt punti biss minn rebħa u tliet draws waqt li qed jakkumulaw il-goals meta s’issa sofrew 39 u sabu x-xibka 12-il darba.
Aston Villa se jkunu home fid- Derby tal-Midlands kontra Leicester li ġejjin minn rebħa, draw u erba’ telfiet wara xulxin waqt li t-team ta’ Unai Emery kiseb tliet rebħiet, draw u tilef darbtejn.
Ċertament li l-manager il-ġdid tal-Foxes, l-Olandiż Ruud Van Nistlerooy, għandu biċċa xogħol kbira biex jaqla’ lit-team mis-sitwazzjoni li jinsab fiha.
Fil-logħba l-oħra ta’ għada, Fulham se jilqgħu lil Ipswich li jinsabu fit-taqtiegħa kontra r-relegazzjoni u li għandhom favur tagħhom hija li l-forma kbira tal-attakkant Liam Delap, meta skorja seba’ goals u pprovda żewġ assists.