Ibburdjar: In-nisa jieħdu t-tmun hekk kif tagħlaq ir-raba’ edizzjoni ta’ Steering the Course f’Malta

Aqra wkoll

Ir-Royal Malta Yacht Club u l-Vikings Sailing Club ospitaw ir-raba’ edizzjoni ta’ Steering the Course – Women in Sailing, inizjattiva ta’ World Sailing, approvata mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, li saret bħala parti mill-Yachting Malta Race Week, bl-għan li tiġbed aktar nisa lejn l-isport tal-ibburdjar.

L-attività laħqet l-ammont massimu ta’ parteċipanti possibbli u, għall-ewwel darba minn meta bdiet issir lokalment, kemm it-tim organizzattiv kif ukoll il-kumitat tat-tlielaq kienu magħmula kompletament minn membri nisa.

L-attività infirxet fuq tliet sessjonijiet li saru wara nofshinhar fir-Royal Malta Yacht Club u laqqgħet flimkien nisa li kienu qed jippruvaw l-isport għall-ewwel darba ma’ oħrajn bi ftit aktar esperjenza li ħadu r-rwol ta’ skipper. Il-parteċipanti bdew bit-tħejjija tad-dgħajjes fuq l-art, komplew b’sessjoni fl-ilma fejn prattikaw il-bidu tattlielaq fil-Port ta’ Marsamxett. L-aħħar sezzjoni kienet tinkludi serje ta’ tlielaq fil-port.  

Matul it-tlielaq, il-parteċipanti kienu mħeġġa jibdlu d-dgħajjes sabiex jesperjenzaw stili differenti ta’ tlielaq. Minkejja li ħafna minnhom kienu ġodda għall-isport, it-tiġrijiet kienu ferm bilanċjati u kompetittivi.

Bħala parti mis-Sustainable Compass taż-żewġ Clubs, it-tim organizzattiv assigura li jkunu integrati prattiċi sostenibbli fl-attività. Il-parteċipanti ġabu magħhom il-fliexken tal-ilma tagħhom biex jevitaw l-użu ta’ plastik li jintuża darba biss, filwaqt li ma ntużawx ankri għat-tqegħid tal-marki, biex b’hekk ġiet limitata l-ħsara lil qiegħ il-baħar.

Il-premjijiet kienu ppreżentati fir-Royal Malta Yacht Club mill-Commodores taż-żewġ Clubs, Mark Napier tar-Royal Malta Yacht Club u Sandra Agius Darmanin tal-Vikings Sailing Club.

Kienu ppreżentati wkoll ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lil dawk kollha involuti, filwaqt li t-tim organizzattiv irringrazzja lil Yachting Malta, Boost, Camilleri Marine u Clarach Ltd għall-appoġġ tagħhom għal din l-attività.

Rebbieħa ta’ Steering the Course

Skippers: Tanya Bonnici (l-1), Kathleen Bowman (it-2), Camille Legroux (it-3)

Baħħara: Marita Grech (l-1), Denise Desira (it-2), Polina Yevarnytska (it-3)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport