‘Zabbar SP FC għandhom l-istorja, il-passjoni, il-partitarji u n-nies tagħhom … issa rridu nibnu fuqhom’ – Dragan Šolak

Aqra wkoll

Zabbar St Patrick FC fetħu kapitlu ġdid fl-istorja tagħhom ta’ 114-il sena wara l-ftehim ta’ investiment ma’ Dragan Šolak u l-investituri sħabu, li permezz tiegħu se jakkwistaw 65% tal-ishma fl-SPLLC li se tmexxi l-operat tal-futbol tal-klabb.

Waqt konferenza stampa li saret il-Ġimgħa waranofsinhar fiċ-Ċentru Tekniku Nazzjonali tal-MFA, Šolak tkellem dwar il-proġett il-ġdid u dwar għaliex Żabbar St Patrick kienu għażla attraenti għalih u għas-sħab tiegħu.

Għalih, il-klabb Żabbari għandu dak kollu li investitur jista’ jfittex f’sieħeb potenzjali fil-futbol: storja twila, identità b’saħħitha, komunità warajh u, fuq kollox, partitarji li jgħixu għall-klabb tagħhom. Dan il-ġurnal ħa l-kummenti esklussivi tal-investitur Serb dwar dan il-ftehim li seħħ.

“Zabbar SP FC huwa wieħed mill-aqwa klabbs li stajna nimmaġinaw f’Malta bħala sieħeb potenzjali. Għandu storja, għandu passjoni, għandu l-partitarji u għandu nies li taw ħajjithom għal dan il-klabb. Dawn huma affarijiet importanti ħafna għalina,” qal Šolak.

Huwa spjega li l-interess f’Żabbar St Patrick imur lil hinn mir-riżultati li t-tim jikseb fil-grawnd. Għalih, il-valur ta’ klabb jinsab ukoll fl-identità tiegħu u fir-relazzjoni li jkun bena mal-komunità tul is-snin.

Šolak qal li meta wieħed jidħol fi proġett bħal dan irid jifhem u jirrispetta dak kollu li jkun inbena qabel. Għaldaqstant, l-għan mhuwiex li tintilef l-identità ta’ Żabbar St Patrick, iżda li l-investiment il-ġdid jgħin lill-klabb ikompli jikber fuq il-pedamenti tiegħu.

“L-intenzjoni tiegħi hija ċara. Irridu nappoġġjaw tkabbir sostenibbli, insaħħu lill-klabb fl-attivitajiet sportivi u operattivi tiegħu u, pass pass, intejbu r-riżultati fil-grawnd. Nafu li progress veru jeħtieġ paċenzja, deċiżjonijiet tajbin u rispett lejn l-identità u t-tradizzjonijiet tal-klabb.”

Waħda mill-opportunitajiet ewlenin li dan il-ftehim jista’ jġib miegħu hija l-possibbiltà li 

Zabbar St Patrick jibbenefikaw minn esperjenzi u għarfien miksuba minn klabbs oħra Ewropej.

Šolak huwa figura ewlenija fi Sport Republic, il-grupp ta’ investiment sportiv assoċjat ma’ klabbs fosthom Southampton FC fl-Ingilterra, Göztepe fit-Turkija u Valenciennes fi Franza.

Huwa għamilha ċara li jrid jilqa’ lil Zabbar St Patrick f’din il-familja internazzjonali u li fil-futur jistgħu jinħolqu diversi forom ta’ kollaborazzjoni.

“Nixtiequ li jkun hemm skambju. Għandna Southampton Football Club u anke esperjenza ma’ klabbs oħra. Hemm ħafna affarijiet li jistgħu jkunu possibbli. Irridu naraw kif nistgħu nużaw dik l-esperjenza biex ngħinu lil Żabbar jikbru. Dan it-tim hu milqugħ fil-familja tagħna,” sostna Šolak.

Il-kollaborazzjoni ma tfissirx neċessarjament biss trasferimenti ta’ plejers. Tista’ tinkludi għarfien dwar ir-reklutaġġ, l-iżvilupp tal-plejers żgħażagħ, il-preparazzjoni teknika, il-prestazzjoni, l-amministrazzjoni u strutturi professjonali li jistgħu jgħinu lil Żabbar St Patrick jagħmlu pass ieħor ’il quddiem.

Šolak jemmen li meta klabbs f’pajjiżi differenti jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, jinħolqu opportunitajiet li diffiċli jinkisbu meta klabb jaħdem waħdu.

“Aħna rridu naqsmu l-esperjenza, l-għarfien u l-aħjar prattiċi tagħna. Il-futbol illum huwa ħafna aktar minn dak li jiġri fil-grawnd. Hemm ħafna xogħol minn wara l-kwinti u jekk nistgħu ngħinu lil Żabbar f’dawn l-oqsma, hekk se nagħmlu.”

Minkejja l-ambizzjoni li hemm wara l-proġett, Šolak ma jridx li l-investiment joħloq l-impressjoni li s-suċċess se jasal mil-lum għal għada.

Huwa saħaq li proġett serju fil-futbol jeħtieġ iż-żmien u li l-ewwel prijorità għandha tkun li jinbnew strutturi sostenibbli li jkunu jistgħu jservu lill-klabb fit-tul.

“Naturalment irridu naraw lill-klabb jikber u rridu ntejbu r-riżultati. Imma rridu nagħmlu dan bil-mod it-tajjeb. Ma tistax tibni xi ħaġa importanti mil-lum għal għada. Trid tkun paċenzjuż, tieħu deċiżjonijiet tajbin u tibni struttura li tkun tista’ ddum.”

L-investiment f’Żabbar St Patrick għandu wkoll tifsira personali għal Šolak. Huwa spjega li hu u l-familja tiegħu huma ċittadini Maltin u għalhekk l-opportunità li jinvolvu ruħhom direttament fi klabb Malti għandha sinjifikat partikolari.

“Jien u l-familja tiegħi kburin u emozzjonati li sirna assoċjati ma’ proġett daqshekk importanti. Bħala ċittadini Maltin, din l-opportunità għandha tifsira partikolari għalina,” qal Šolak.

Huwa għamilha ċara wkoll li l-partitarji se jibqgħu parti essenzjali mill-proġett. Fil-fehma tiegħu, huma proprju n-nies li taw tant lill-klabb matul is-snin li jagħmlu lil Zabbar St Patrick opportunità differenti minn investiment purament kummerċjali.

Il-passjoni li ra madwar il-klabb kienet waħda mill-affarijiet li impressjonatu l-aktar.

“Meta tara nies li taw ħajjithom għall-klabb, tifhem li hemm xi ħaġa speċjali. Din il-passjoni diġà teżisti f’Żabbar u ma tistax toħloqha bl-investiment. Dak li nistgħu nagħmlu aħna huwa li nippruvaw nagħtu lill-klabb l-għodda biex ikompli jikber.”

Għal Šolak, għalhekk, il-futur għandu jkun wieħed fejn l-investituri, it-tmexxija eżistenti, il-partitarji u l-komunità jimxu fl-istess direzzjoni.

“Aħna rridu naħdmu flimkien mal-partitarji. Irridu nisimgħuhom u nirrispettaw dak li jirrappreżenta l-klabb għalihom. Aħna qegħdin hawn biex ngħinu nibnu u mhux biex inneħħu dak li għamel lil Żabbar St Patrick dak li huma llum.”

L-assoċjazzjoni ma’ Southampton Football Club u l-klabbs l-oħra fi ħdan l-ambjent ta’ Sport Republic tiftaħ ukoll prospetti ġodda. Għalkemm għadu kmieni biex jiġu definiti inizjattivi speċifiċi, Šolak m’eskludiex skambji u forom oħra ta’ koperazzjoni.

“Għandna familja ta’ klabbs u rridu li Żabbar ikunu parti minnha. Jekk ikun hemm opportunitajiet għal skambji, għal tagħlim, għall-iżvilupp tal-plejers jew għal affarijiet 

oħra, irridu nesplorawhom. Hemm ħafna affarijiet possibbli.”

B’dan il-ftehim, Zabbar St Patrick issa jidħlu f’fażi ġdida fl-istorja tagħhom. L-investiment jista’ jġib riżorsi u esperjenza internazzjonali, iżda l-messaġġ ta’ Šolak huwa li l-proġett għandu jibqa’ mibni madwar l-istess elementi li ġibduh lejn il-klabb fl-ewwel lok.

“Zabbar SP FC għandhom l-istorja, il-passjoni, il-partitarji u n-nies tagħhom. Issa rridu nibnu fuqhom. Aħna kuntenti ħafna li Zabbar St Patrick huma parti mill-familja tagħna u ninsabu ħerqana biex naraw fejn nistgħu naslu flimkien.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport