Sandro Mazzola, wieħed mill-aqwa players fl-istorja tal-Italja u ikona ta’ Inter FC, miet fl-età ta’ 83 sena.
Il-mewt ta’ Mazzola tħabbret fi stqarrija minn Inter.
Imwieled fl-1942, Mazzola kien iben plejer ieħor tal-futbol, il-captain ta’ Torino FC Valentino Mazzola. Missieru miet f’ħabta traġika bl-ajruplan li fiha tilfu ħajjithom il-biċċa l-kbira tal-iskwadra ta’ dak iż-żmien ta’ Torino.
Mazzola ngħaqad mat-tim taż-żgħażagħ ta’ Inter u kompla javvanza fil-gradi tal-klabb.
Bħala player veloċi, b’talent u teknika mill-aqwa, Mazzola lagħab f’pożizzjonijiet ta’ midfield u fl-attakk matul il-karriera tiegħu. Huwa qatta’ l-karriera kollha tiegħu mal-man-Nerazzurri, fejn iddebutta fl-1960 u baqa’ jilgħab magħhom sal-1977.
Huwa lagħab 565 logħba, skorja 160 gowl u rebaħ erba’ titli tal-kampjonat Taljan, żewġ Tazzi taċ-Champions u żewġ Tazzi Interkontinentali. Huwa kklassifika fit-tieni post għall-premju Ballon d’Or tal-1971, wara l-ikona Olandiża Johan Cruyff.
Mazzola lagħab ukoll 70 darba mat-tim nazzjonali Taljan; rebaħ il-Kampjonat Ewropew tal-1968 mal-Azzurri u wasal sal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-1970, fejn l-Italja tilfet kontra l-Brażil ta’ Pelé.
