Saturday, December 21, 2024

ERA ĠDIDA FIL-PARTIT LABURISTA

Aqra wkoll

F’pajjiż attivament demokratiku, il-partit politiċi normalment jgħaddu minn fażijiet fejn inkunu kostretti li jwettqu tiġdid u bidliet fi ħdanhom stess, mhux biss ħalli jibqgħu rilevanti fiċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet tal-mument imma wkoll biex jagħrfu iktar kif jilħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies

Il-Partit Laburista, li issa ilu 11-il sena fit-tmexxija ta’ pajjiżna, għaraf għal darb’oħra din il-ħtieġa, li jgħaddi għal fażi oħra fl-eżistenza tiegħu. Għalhekk, dan il-proċess ta’ tiġdid mhux biss għandu valur politiku kbir imma wkoll huwa kruċjali biex il-partit jibqa’ b’saħħtu, jibqa’ dinamiku u jibqa’ jkun il-vuċi taż-żgħir, tal-batut u tal-iżvantaġġjat fiss-soċjetà tagħna. 

Għalhekk ukoll li l-partit għaraf l-importanza li jibqa’ miftuħ għal kulħadd, anki għal dawk li mhux neċessarjament jidentifikaw ruħhom mat-twemmin soċjalista. Il-ħtieġa li jibqa’ jiġbed lejh demm ġdid b’ideat friski vitali. Dan bl-ebda mod m’għandu jittieħed illi l-veterani jiġu mwarrba. It-taħlita tal-ġdid mal-qadim taf toħloq esperjenzi li minnhom joħroġ il-ġid.

Dan iżda jrid jagħmlu b’konvinzjoni mingħajr ma jikkomprometti l-prinċipji li emmen fihom sa minn twelidu. Għaliex il-prinċipji ma jinbidlux imma maż-żmien jinbidel biss il-proċess fit-twettieq ta’ dawn il-prinċipji.

Din il-fażi ġdida, għall-Partit Laburista bdiet propju lbieraħ bit-tħabbira li bdew jintlaqgħu l-applikazzjonijiet sal-Ħadd 25 ta’ Awwissu, għal mili ta’ kważi l-karigi kollha fit-tmexxija tal-partit.

Minbarra l-ħatra ta’ eżekuttiv ġdid, nemmnu li l-elezzjoni għall-ħatra ta’ żewġ Deputati mexxejja tal-partit u tal-president se tkun l-iktar li tiġbed l-għajn. Ma jistax jonqos li se jkun hemm din l-attenzjoni. Min jiġi elett Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament se jkollu jġorr ukoll ir-reponsabbiltà ta’ deputat prim ministru.

Min-naħa l-oħra, min se jkun elett deputat mexxej għall-affatijiet tal-partit, flimkien mal-president il-ġdid/a irid jaħdem biex jiżgura l-għaqda fost kulħadd, mhux biss, imma wkoll li jerġa’ jwassal lill-partit għall-glorja tas-snin riċenti meta kien jirbaħ bil-kbir l-elezzjonijiet kollha f’pajjiżna. 

Nifhmu li l-amministrazzjoni, anki jekk se tkun ġdida, taf b’dan kollu. Taf li l-partit għandu jkompli jagħti widen għal dak kollu li huwa sewwa. Irid jibqa’ jisma xi jgħidu u jixtiequ n-nies anki jekk ir-realtajiet tagħhom huma diversi u differenti minn wieħed għall-ieħor.

Wara kollox, il-Partit Laburista dejjem kien hemm għan-nies u nittamaw li jibqa’ għan-nies u man-nies anki f’dan iż-żmien ta’ post-moderniżmu ddominat minn teknoloġiji li s-smewwiet huma l-limitu tagħhom.

Ekonomija

Sport