Saturday, November 23, 2024

ERA tniedi gwida dwar is-siġar u tirrikonoxxi l-kontribut ta’ citizen scientists

Aqra wkoll

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tat rikonoxximent lill-parteċipanti li ħadu sehem fil-Malta Pollinator Monitoring Scheme (MPOMS) għall-kontribut tagħhom. Barra minn hekk, l-ERA nediet “The Protected & Alien Trees in Malta – An Identification Guide”, ktieb li jimmarka pass ieħor fl-isforzi kontinwi biex jiġu ssalvagwardjati l-wirt naturali u l-bijodiversità ta’ Malta.

Tul l-inizjattiva MPOMS, il-pubbliku kellu l-opportunità li jimmonitorja n-naħal, il-friefet, u l-hoverflies fi tliet siti ewlenin: il-Manikata, l-Buskett, u Delimara. Dawn is-Citizen Scientists – il-voluntiera li kienu parti mill-inizjattiva MPOMS – raw kif isir il-monitoraġġ filwaqt li rċivew taħriġ dwar id-dakkara minn esperti. L-informazzjoni miġbura ser tgħin sabiex jiġu żviluppati rekords nazzjonali tad-dakkara kif ukoll tħejjija tal-Istrateġija Nazzjonali u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Pollinaturi (NSAPP) sal-2035, bil-għan li jipproteġu dawn l-ispeċi essenzjali.

L-ERA nediet “The Protected & Alien Trees in Malta – An Identification Guide”. Din il-gwida tagħmel aktar faċli l-identifikazzjoni tal-ispeċi tas-siġar ta’ Malta, inklużi dawk protetti u invażivi. Il-ktieb se jkun għodda ideali kemm għall-entużjasti kif ukoll għall-esperti fuq dan il-qasam u se jappoġġja r-Regolamenti tal-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar 2018. Il-gwida tikkategorizza s-siġar fi tliet gruppi: dawk li jeħtieġu protezzjoni għolja, siġar protetti li jinstabu f’żoni ’l barra mill-iżvilupp u speċi invażivi b’impatt detrimentali fuq l-ekosistemi lokali.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli rrimarkat li “din il-gwida hija riżors importanti għal kull min hu interessat fis-siġar ta’ Malta, li tgħin biex jiġu identifikati speċi importanti u tappoġġja l-għan tagħna li nżidu ż-żoni ħodor f’pajjiżna. Irrid ukoll nirringrazzja lill-voluntiera li kkontribwew għar-riċerka dwar id-dakkara. Dan juri r-rwol importanti tal-involviment tal-komunità għal futur aktar sostenibbli.”

Iċ-Chairperson tal-ERA Vince Cassar qal, “L-ERA hija impenjata li tippreserva l-ambjent naturali ta’ Malta permezz ta’ sforzi ta’ konservazzjoni proattivi u l-involviment tal-pubbliku. Qed naħdmu biex nipproteġu u ntejbu l-bijodiversità rikka tal-gżira għall-ġenerazzjonijiet futuri billi nippromwovu prattiċi sostenibbli u nqajmu aktar kuxjenza f’dan ir-rigward.”

Għal aktar informazzjoni dwar dawn l-inizjattivi, żur https://www.era.org.mt

Sport