Erba’ persuni ndarbu minn raġel armat b’sikkina f’attakk f’Tel Aviv nhar it-Tlieta li għadda L-erba vittmi ddaħħlu l-Isptar Ichilov għall-kura b’wieħed f’kundizzjoni serja b’ferita f’għonqu. L-aggressur, żagħżugħ barrani ta’ 28 sena, inqatel b’tiri ta’ pistola mill-pulizija.
L-aġenzija tal-intelliġenza Iżraeljana Shin Bet qed twettaq investigazzjoni dwar id-deċiżjoni li ttieħdet biex ir-raġel, li allegatament kellu ċittadinanza Marokkina u residenza permanenti fl-Istati Uniti, jitħalla jidħol fil-pajjiż.
Dan kien t-tieni attakk b’sikkina f’Tel Aviv f’erbat ijiem, wara li persuna oħra ġiet attakkata s-Sibt li għadda qabel ma l-aggressur inqatel minn persuna ċivili armat.
L-attakk tat-Tlieta seħħ fi Triq Nahalat Binyamin, żona popolari għar-ristoranti u d-diverstiment ta’ bil-lejl, u fi Triq Gruzenberg fil-viċin, fejn l-attakkant ta daqqa ta’ sikkina lil persuna oħra qabel ma nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar.
Il-midja Iżraeljana rrapportat li fuq il-katavru tal-aggressur nstabu permess ta’ residenza Amerikana u biljett għall-kontroll tal-fruntiera. Huwa aktarx li daħal fl-Iżrael b’viża turistika fit-18 ta’ Jannar.
Il-forzi tal-fruntiera u tal-immigrazzjoni kienu qajmu oġġezzjonijiet għad-dħul tar-raġel fl-Iżrael waqt li huwa kien fl-Ajruport Ben Gurion, iżda s-servizz tas-sigurtà ta’ Shin Bet approva d-dħul tiegħu, qal il-Ministru tal-Intern Iżraeljan Moshe Arbel.
Arbel appella lill-kap ta’ Shin Bet Ronen Bar biex jinvestiga l-inċident serju u jieħu lezzjonijiet minnu kemm jista’ jkun malajr.
Skont Shin Bet, l-individwu tħalla jidħol fl-Iżrael, wara valutazzjoni tas-sigurtà, inklużi mistoqsijiet u kontrolli addizzjonali, li kkonkludew li ma kien hemm l-ebda raġuni biex jiċħad id-dħul tiegħu għal raġunijiet ta ‘sigurtà. Madankollu l-inċident se jiġi investigat.
Il-Ħamas ma ħaditx ir-responsabbiltà ta’ dak li ġara iżda fi stqarrija faħħar l-attakk.