Sunday, December 29, 2024

Erba’ ministri ma kisrux il-kodiċi ta’ etika b’rabta ma’ ħatriet ta’ qraba ta’ kollegi

Investigazzjoni mill-Kummissarju tal-Istandards

Aqra wkoll

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, ma sab l-ebda ksur ta’ etika fil-konfront ta’ erba’ Ministri b’rabta ma’ ħatriet ta’ qraba ta’ kollegi oħra mill-Kabinett.

L-ilment kien sar f’Marzu tal-2023 mill-Prof. Arnold Cassola u kien jirrigwardja artikli li kienu dehru fis-sit elettroniku ta’ The Shift. L-artiklu kien allega li xi ministri ħatru l-qraba ta’ xulxin bħala membri ta’ bordijiet tal-Gvern u f’karigi oħra mal-gvern sabiex iduru mal-kodiċi ta’ etika ministerjali, li jipprojbixxi ministru milli jagħmel ħatriet lil membri tal-familja tiegħu.

Il-ħatriet li saret investigazzjoni fuqhom kienu:

  • il-ħatra mill-Ministru Miriam Dalli ta’ Joanne Galdes, mart il-Ministru Roderick Galdes, bħala membru tal-Bord tad-Diretturi tal-WasteServ.
  • il-ħatra mill-Ministru Anton Refalo ta’ Maxilene Bonett, mart il-Ministru Chris Bonett bħala konsulenta.
  • il-ħatra mill-Ministru Silvio Schembri ta’ Remenda Grech u Claudia Cuschieri, partners rispettivi tal-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, bħala membri tal-bord tad-Diretturi ta’ Kordin Grain Terminal; u
  • il-ħatra mill-Ministru Jonathan Attard ta’ Dr Deborah Camilleri, mart il-Ministru Clint Camilleri bħala Avukat tal-Għajnuna Legali.

Il-Ministri rispettivi kienu taw it-tweġibiet tagħhom dwar dawn il-ħatriet meta kienu mitluba biex jagħmlu dan. Wara li sema’ x’kellhom xi jgħidu l-Ministri, il-Kummissarju għall-Istandards qal li fil-fehma tiegħu għandu jkun hemm distinzjoni bejn ħatriet ta’ konsulenti ma’ Ministri u ħatriet ta’ persuni fuq il-varji bordijiet. “Meta jinħatar konsulent huwa naturalment importanti li tali konsulent ikun espert fil-mansjoni illi nħatar fiha, apparti li jkollu l-fiduċja tal-Ministru konċernat.”

“L-aktar każ minn dawk imsemmija illi m’għandux bżonn wisq indaġni huwa fil-fehma tiegħi dak ta’ Dr Deborah Camilleri bħala Avukat tal-Għajnuna Legali. Jekk wieħed iħares lejn il-lista tal-Avukati tal-Għajnuna Legali li tidher perjodikament fil-Gazzetta tal-Gvern isib li bħalissa hemm disgħa u ħamsin (59) avukat iservu bħala Avukati tal-Għajuna Legali. Għalhekk Dr Camilleri mhijiex qed tingħata xi privileġġ, u ladarba hija avukat bil-warrant relattiva, m’għandiex tkun imċaħħda milli sservi sempliċement għax hija mart Ministru. Inoltre jirriżulta wkoll li Dr Camilleri għaddiet minn skrutinju ta’ bord tal-għażla,” qal il-Kummissarju tal-Istandards.

“Anke fil-ħatra ta’ Dr Maxilene Bonett, il-Ministru konċernat kellu kull dritt jagħżel avukat tal-fiduċja tiegħu bħala konsulent. Ladarba Dr Bonett hija avukat bil-warrant li tipprattika, m’għandhiex tkun skwalifikata għax inżertat mara ta’ Ministru. Jiġifieri fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ Ministri Attard u Refalo ma jirriżulta ebda ksur ta’ etika.”

Fir-rigward tal-ħatriet fuq bordijiet, intqal li kemm il-liġi u kemm il-prattika stabbilita tagħti diskrezzjoni wiesgħa lill-Ministru konċernat. “Dan jista’ jwassal għal ħatriet li ma tantx ikunu jidhru bħala eżempji ta’ meritokrazija, u jwessgħu il-perċezzjoni ta’ favoritiżmu. Madankollu, għandu jkun hemm raġunijiet ċari u speċifiċi biex wieħed jiddetermina li ħatra partikolari hija abbużiva jew tirrappreżenta ksur ta’ etika. Fin-nuqqas ta’ kriterji għall-għażla ta’ membri ta’ bordijiet, m’hemm ebda bażi fuqiex wieħed jista’ jasal għal konklużjoni bħal din fir-rigward tal-ħatriet taħt konsiderazzjoni hawn.”

Wara li qies kollox, il-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li ma kienx hemm ksur ta’ etika fir-rigward tal-Ministri konċernati u għalaq il-każ b’dan il-mod.

Ekonomija

Sport