Ryan Mallia ammetta li seraq arloġġi u ġojjellerija b’valur ta’ madwar €18,000 wara li ġie identifikat permezz ta’ filmati tas-CCTV u d-deskrizzjoni tal-vittma.
Ryan Mallia, raġel ta 52 sena ġie kkundannat erba’ snin ħabs effettivi wara li ammetta li seraq arloġġi u ġojjellerija b’valur ta’ madwar €18,000 minn residenza fil-Ħamrun.
Il-każ instema’ quddiem il-maġistrat Leonard Caruana bil-prosekuzzjoni titmexxa mill-avukat tal-Avukat Ġenerali Clyde Aquilina u l-Ispettur James Zammit. L-avukat Viktor Bugeja deher bħala avukat tal-għajnuna legali għall-imputat.
Il-prosekuzzjoni spjegat li s-serqa seħħet fit-22 ta’ Lulju, meta minn residenza fil-Ħamrun insterqu arloġġi u ġojjellerija b’valur ta’ madwar €18,000.
L-investigazzjonijiet bdew permezz ta’ filmati tas-CCTV u d-deskrizzjoni mogħtija mill-vittma. Il-vittma qalet ukoll lill-pulizija li kienet ġiet wiċċ imb’wiċċ mal-imputat hekk kif hu kien ħiereġ mir-residenza filwaqt li hi kienet dieħla, fatt li għen lill-pulizija tidentifikah.
Sussegwentement, il-pulizija kisbet mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Mallia.
L-imputat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti kkundannatu għal erba’ snin ħabs effettivi, ordnatlu jħallas €50 għal kull kundizzjoni ta’ ħelsien mill-arrest li kien kiser, u ħarġet ukoll ordni ta’ trattament favur il-vittmi.
