Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hemm persuna li mietet kawża ta’ hyperthermia, filwaqt li tliet pazjenti oħra mietu kawża ta’ nixfa tkun meqjusa bħala l-kawża ewlenija tal-mewt tagħhom. B’rabta ma’ dawn il-każi infetħu inkjesti maġisterjali.
Fi stqarrija kelliem għas-Saħħa Pubblika qal li b’kollox kien hemm 34 każ ta’ mewt u l-biċċa l-kbira tal-imwiet kienu minħabba kundizzjonijiet kardjovaskulari jew aggravamenti kroniċi ta’ kundizzjonijiet kroniċi oħra.
L-awtoritajiet tas-saħħa qed jerġgħu javżaw dwar l-effett tal-mewġa ta’ sħana fuq is-saħħa ta’ kulħadd – speċjalment ta’ persuni vulnerabbli u biex jieħdu azzjonijiet li jipproteġu s-saħħa u jfittxu appoġġ mediku jekk ikollhom xi sinjali jew sintomi ta’ effetti tas-sħana.
L-Hyperthermia hija meta t-temperatura tal-ġisem togħla ’l fuq mill-firxa normali, li twassal għal sintomi bħalma huma l-għaraq, nixfa, nifs mgħaġġel, u konfużjoni. Jekk ma tiġix trattata minnufih din tista’ tavvanza għal eżawriment tas-sħana jew heatstroke u ssir ta’ theddida għall-ħajja.