Monday, May 6, 2024

ESPLORAZZJONI SPAZJALI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

L-aħbarijiet dwar l-inżul – tajjeb jew ħażin – ta’ vetturi spazjali fuq il-qamar ma kinux nieqsa fl-aħħar xhur. Il-biċċa l-kbira minnhom huma organizzati u finanzjati minn interessi privati, anke jekk imtellgħa minn pajjiżi differenti.

Għaliex domna daqshekk deċennji mingħajr espedizzjonijiet lejn il-qamar wara l-avventuri spettakolari tas-snin 60 tas-seklu l-ieħor? Sadattant, intbagħtu vetturi bla piloti fihom biex jivvjaġġaw fl-aktar inħawi profondi tal-ispazju. Imma l-qamar donnu ntesa.

Diffiċli tgħid jekk ir-raġuni għal dan kinux id-diżastri li seħħew f’ċerti missjonijiet spazjali bħal taċ-Challenger fis-sena 1986, meta seba’ astronawti mietu traġikament. Biss, sa dak iż-żmien diġà, il-ġirja lejn il-qamar kienet ilha li raqdet.

Forsi raġuni aktar qawwija kienet li raqdet il-kompetizzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika ta’ dak iż-żmien, meta min jasal l-ewwel sal-qamar saret l-aqwa logħba. Iżda llum ma nistgħux ngħidu li naqset il-kompetizzjoni għal min se jikseb pożizzjoni dominanti fid-dinja tagħna.

IL-KWISTJONI TAL-FIAU

Il-mod kif il-proċeduri u d-deċiżjonijiet tal-FIAU (Financial Analysis Intelligence Unit) qed jiġu invalidati mill-qrati mhijiex kwistjoni minuri. Din hi l-aġenzija li tissorvelja u tikkontrolla kif jitwettqu t-transazzjonijiet finanzjarji u bankarji mis-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta ħalli tassigura li mhumiex isiru abbużi.

Biex Malta tkompli tgawdi l-fiduċja ta’ pajjiżi barranin f’kif tmexxi s-servizzi finanzjarji tagħha, irid ikollha dal-kelb tal-għassa li jgawdi kull fama ta’ kemm hu serju u effettiv. Imma jrid ukoll jitmexxa skont normi legali aċċettati f’soċjetà moderna. Il-qrati dddikjaraw li l-FIAU qed jagħmilha tad-didektiv, tal-akkużatur, tal-ġurija u tal-imħallef fil-każi li jittratta – li mhux sew.

Ma naħsibx li aħna l-ewwel pajjiż li sab ruħu quddiem dil-problema. Nistgħu nsolvuha kif solvewha pajjiżi oħra. X’qed nistennew biex nagħmlu hekk?

DAWK LI JINFLUWENZAW

Fl-Ewropa u barra minnha qed jitqajmu mistoqsijiet dwar ir-rwol ta’ dawk li jinfluwenzaw (“influencers”) fil-medja soċjali: persuni li jġemmgħu popolarità kbira fost min jidħol fl-internet billi jitkellmu dwar suġġetti li jqanqlu interess kbir – il-moda, id-diski, l-isport… Imbagħad jużawha biex iwasslu messaġġi publiċitarji kummerċjali li jkunu moħbija f’li jgħidu u li tagħhom jitħallsu.

X’hemm ħażin f’hekk? Mhux sew – jintqal – li dan isir bil-moħbi għax il-fiduċja tan-nies f’persuna qed tiġi manipulata biex twassalhom ħalli jagħżlu x’jixtru. U t-tieni, dawn li jinfluwenzaw qed idaħħlu flus tar-riklami li jagħmlu mingħajr ma jiddikjarawhom bħala biżness.

Xejn għadu mhu ċar kif għandhom jiġu ttrattati l-“influencers”. Kien wara li l-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew ftiehmu fuq kif għandhom jiġu regolati s-servizzi mogħtija bl-internet li għarfu kif dil-kategorija “ġdida” ta’ negozju kienet ħarbitilhom kważi għal kollox.

Sport