Monday, May 13, 2024

Il-PM ta’ Ħaiti ma tħalliex jidħol lura f’pajjiżu

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru ta’ Ħaiti Ariel Henry kellu jinżel f’Puerto Rico minħabba li skont ma ġie rrapportat, ma setax jirritorna f’pajjiżu. Intqal li Henry wasal f’San Juan matul il-jum tat-Tlieta wara li vvjaġa mill-Istat Amerikan ta’ New Jersey.

Għal dawn l-aħħar jiem, ma kienx magħruf fejn huwa kien jinsab wara li temm iż-żjara tiegħu fil-Kenja. Fl-assenza tiegħu, il-vjolenza f’Ħaiti żdiedet sew bi gruppi armati saħansitra jippruvaw jieħdu kontroll tal-ajruport sabiex iwaqqfuh milli jinżel fil-pajjiż.

Il-mexxej ta’ dawn il-gruppi, Jimmy “Barbecue” Chérizier, talab lill-Prim Ministru sabiex jirriżenja u wissa li f’każ li ma jsirx dan il-pajjiż ikun miexi “dritt għal gwerra ċivili li tista’ twassal għal ġenoċidju”.

Siti tal-aħbarijiet fil-pajjiż irrapportaw li l-ajruplan ta’ Ariel Henry kellu jinżel f’Puerto Rico – territorju Amerikan – wara li ġie mċaħħad mid-dħul f’Ħaiti u r-Repubblika Dominikana.

Ir-Repubblika Dominikana nhar it-Tlieta ħabbret li kienet qed tagħlaq l-ispazju tal-ajru tagħha mal-Ħaiti, li magħha taqsam il-gżira ta’ Hispaniola. Il-mexxej tal-pajjiż, Luis Abinader, dan l-aħħar qal li se jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li jinżamm livell ta’ “paċi u kontroll” fil-fruntiera tal-art tiegħu.

Sadanittant, hemm diversi raġunijiet li jistgħu jispjegaw għalfejn l-ajruplan tal-PM ta’ Ħaiti ma tħalliex jinżel f’dan il-pajjiż. Din setgħet kienet sempliċiment deċiżjoni proċedurali.

Minn meta ġie impost stat ta’ emerġenza fil-Ħaiti nhar il-Ħadd, it-titjiriet kollha ġew ikkanċellati sakemm jinħareġ avviż ieħor u l-ajruport fil-kapitali Port-au-Prince huwa essenzjalment magħluq.

Ir-raġuni l-oħra tista’ tkun minħabba s-sigurtà tiegħu stess. Dan hekk kif Henry jaf iku fil-mira ċara ta’ dawk il-gruppi li qed jitolbu li jwarrab, u r-ritorn tiegħu f’dan il-mument sempliċement seta’ jitqies li jkun aktar ta’ xkiel għall-istabbiltà tan-nazzjon, milli għajnuna.

L-akbar tħassib għall-PM u l-partitarji tiegħu, inkluża Washington, huwa li l-attentat tiegħu biex jirritorna lura fil-pajjiż falla u kompla dgħajjef aktar il-pożizzjoni tiegħu. Dan qed jagħti l-impressjoni li l-awtoritajiet li tagħhom huwa responsabbli qed iwarrbu x-xewqa tiegħu li jerġa’ jmur fil-Ħaiti. Minflok huwa bħalissa jinsab fi Puerto Rico fejn minn hemm irid jara x’se jkun il-pass li jmiss.

Sport