Wednesday, April 24, 2024

Euro 2020: Żvelat li saru 90 arresti fil-logħbiet tal-Ingilterra f’Wembley

Aqra wkoll

Kien hemm 92 arresti relatati mal-football fil-logħbiet li l-Ingilterra lagħbet f’darha matul l-istaġun 2020-21 li minnhom 90 seħħew fl-Euro 2020, juru figuri tal-Home Office.

L-Ingilterra lagħbet sitta mis-seba’ logħ­biet tagħha f’Wembley fi triqtha lejn il-finali, li tilfuha bil-penalties kontra l-Italja.

It-team ta’ Gareth Southgate ffaċċja lill- Iskozja wkoll f’logħba tal-gruppi.

Il-figuri għall-Ingilterra u Wales qalu li 39 arresti relatati mal-football kienu fil-logħba tal-Italja, 28 f’dik kontra l-Iskozja u 18 fis-semi-finali kontra d-Danimarka.

Kien hemm “sitt arresti oħra relatati mal-football li jinvolvu timijiet internaz­zjonali li lagħbu fil-Euro 2020 f’Wembley” u “sitt arresti kollha” fis-semi-finali bejn l-Italja u Spanja.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-finali tal-Ingilterra kontra l-Italja, l-FA se tkun taf il-ġimgħa d-dieħla jekk l-Ingilterra għandhiex tilgħab xi logħbiet wara il-bibien magħluqa minħabba nkwiet fil-logħba.

Partitarji ġġieldu mal-istewards u pulizija hekk kif ippruvaw jidħlu f’Wembley għall- avveniment tal-11 ta’ Lulju.

Il-figuri tal-Home Office qalu li l-2,978 partiti kienu kollha skedati fl-istaġun 2020-21 iżda, minħabba l-cornavirus, 93% intlagħbu mingħajr partitarji filwaqt li s-7% l-oħra kellhom varjetà ta’ attendenzi mnaq­qsa.

Dan fisser li n-numru ta’ arresti relatati mal-football naqas minn 1,089 għal 116, filwaqt li n-numru ta’ ordnijiet ta’ projbizzjonijiet ġodda li nħarġu niżel minn 360 għal 208.

B’kollox, kien hemm 1,359 ordnijiet ta’ projbizzjoni fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu, 2021, bl-54 ta’ Birmingham City ikun l-ogħla total għal club u l-44 ta’ Liverpool ikunu l-ogħla fil-Premier League.

F’termini ta’ inċidenti online, il-Home Office qal li flimkien mal-partijiet interessati, bħalissa qed “jesplora kif l-aħjar jaqbad u jirrapporta dwar l-abbuż online kollu u reati ta’ mibegħda konnessi mal-football”.

Hija żiedet tgħid: “Dawn huma reġistrati permezz ta’ numru ta’ flussi differenti, u bħalissa mhuwiex possibbli li jinqabdu kompletament u jiġu rrapportati dwarhom flimkien ma’ figuri dwar reati ta’ mibegħda rrappurtati f’logħbiet speċifiċi.”

Sport