Proprju l-Ħamis ingħata bidu għaż-żewġ ġranet (5 u 6) li jmiss tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew 2024, bl-aktar grupp attraenti jkun dak B li fih kienu nvoluti Franza u l-Olanda, li t-tnejn ħarġu rebbieħa meta għelbu lill-Irlanda u lill-Greċja rispettivament.
Grupp B – Franza laqgħu lill-Irlanda u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0 biex għandhom punti massimi minn dan il-grupp u għaldaqstant għamlu pass kbir lejn il-kwalifikazzjoni.
L-awturi tal-goals kienu Aurelien Tchouameni (19) u Marcus Thuram (48).
F’konfront dirett, f’darhom l-Olanda għelbu lill- Greċja bl-iskor ta’ 3-0 biex qabżuhom fit-tieni post b’partita inqas.
L-iskorers kienu Marten de Roon (17), Cody Gakpo (31) u Wout Weghorst (39).
Grupp E – Ir-Repubblika Ċeka u l-Albanija spiċċaw fi draw ta’ 1-1 biex kollox għadu miftuħ beraħ.
Kien Vaclav Cerny (56) li fetaħ l-iskor għaċ-Ċeki iżda Nedim Bajrami (66) kiseb id-draw għall-Albaniżi.
Fil-partita l-oħra, il-Polonja kellhom jitħabtu biex għelbu lill-Faroe Islands bl-iskor ta’ 2-0 permezz ta’ doppjetta ta’ Robert Lewandowski (73 pen u 83).
Grupp G – Barra minn darhom l-Ungerija għelbu lis-Serbja bl-iskor ta’ 2-1 biex telgħu fl-ewwel post tal-klassifika.
It-team ospitu mar fil-vantaġġ b’auto-goal ta’ Attila Szalai (10) iżda l-Ungeriżi dawru l-iskor permezz ta’ Barnabas Varga (34) u Willi Orban (36).
Il-Litwanja ospitaw lil Montenegro u temmew fi draw ta’ 2-2 liema riżultat ma kkuntenta lil ħadd.
Il-Litwani skorjaw l-ewwel u l-aħħar minn Gytis Paulauskas (71) u Fedor Cernych (92) filwaqt li għal Montenegro wieġbu Nikola Krstovic (78) u Stefan Savic (89).
Grupp H – Il-Finlandja marru l-Kazakhstan u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal importanti jiġi skorjat minn Oliver Antman (78).
B’din ir-rebħa l-Iskandinavi telgħu fil-quċċata ta’ dan il-grupp.
Id-Danimarka ma tantx sabu diffikultá biex għelbu lil San Marino bl-iskor ta’ 4-0.
L-erba’ goals waslu minn Pierre-Emile Hojbjerg (26), Joakim Maehle (28), Jonas Wind (40) u Morten Hjulmand (78).
F’partita mill-aktar pjaċevoli, is-Slovenja għelbu lill-Irlanda ta’ Fuq bl-iskor ta’ 4-2.
Il-goals tas-Sloveni ġew skorjati minn Andraz Sporar (3), Petar Stojanovic (17), Benjamin Sesko (42) u Andraz Sporar (56) filwaqt li Isaac Price (7) u Jonny Evans (53) naqqsu l-marġni għall-viżitaturi.