Saturday, July 20, 2024

Euro 2024: Illum jidħlu fix-xena Franza … fost il-favoriti

Aqra wkoll

Meta llum tintlagħab ir-raba’ ġurnata tal-Euro 2024, l-attenzjoni prinċipali tkun mixħuta fuq Franza, li huma fost il-favo­riti, hekk kif jibdew l-impenji tagħhom kontra l-Awstrija. 

Fil-programm tal-lum hemm żewġ partiti oħra li huma meqjusa bħala bilanċjati fejn ir-Rumanija jiltaqgħu kontra l-Ukrajna filwaqt li l-Belġu jaffrontaw lis-Slovakkja. 

Rumanija v Ukrajna – 3.00 pm

Filwaqt li huma meqjusa bħala wieħed mill-underdogs ta’ dan it-tournament, ir-Rumanija jistħoqqilhom kull rispett hekk kif se jiffaċċjaw lill-Ukrajna.

Dan minħabba li huma kkwalifikaw għal din il-fażi finali mingħajr telfa u sofrew biss ħames goals f’10 logħbiet, għalkemm naqsu milli jirbħu l-aħħar erba’ logħbiet tagħhom.

L-aqwa riżultat li qatt kisbu fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni huwa r-rebħa fuq l-Ingilterra, bl-iskor ta’ 3-2, fl-edizzjoni tal-2000.

Min-naħa l-oħra, l-Ukrajna irnexxielhom jikkwalifikaw wara li fil-play-offs għelbu lil Bosnja Herzegovina (fis-semi-finali) u lill-Islanda (fil-finali) bl-iskor identiku ta’ 2-1. 

L-Ukreni huma mmexxija mill-coach, Serhiy Rebrov, u din hija l-ewwel esperjenza f’fażi finali tal-Kampjonat Ewropew minħabba li l-ex player ta’ Tottenham Hotspur, qatt ma lagħab f’tournament bħal dan bħala player. 

Din hija wkoll ir-raba’ kwalifikazzjoni konsekuttiva għall-Ukreni fejn jimmiraw li jmorru aħjar mit-tliet parteċipazzjonijiet preċedenti li kienu diżappuntanti. 

 Ir-Rumanija m’għandhom l-ebda problemi ta’ injuries, filwaqt li Vitalii Mykolenko huwa dubjuż għall-Ukrajna.

Il-logħba se tintlagħab fl-Allianz Arena ta’ Munich. 

Belġju v Slovakkja – 6.00 pm

Il-Belġju jibdew favoriti meta jiltaqgħu kontra s-Slovakkja fi Grupp E.

Dan minkejja li l-Belġjani m’għadx għandhom l-istatus tal-Ġenerazzjoni tad- Deheb meta f’dawn l-aħħar xhur saħansitra waqgħu mill-ewwel post fir-rankings tal-FIFA.

Madankollu, huma xorta waħda jippossjiedu team qawwi … tant li ilu ma jiġi megħlub mit-telfa ta’ 2-0 kontra l-Marokk, fit-Tazza tad-Dinja 2022.

Min-naħa l-oħra, is-Slovakkja huma l-iktar team dgħajjef f’dan il-grupp iżda fl-is­tess waqt jippossjiedu players li għandhom esperjenza ta’ football Ewropej. 

Fl-aħħar partiti ta’ ħbiberija li servew bħala preparazzjoni għal dan it-tournament, huma għelbu lil San Marino u lil Wales bl-iskor identiku ta’ 4-0. 

Il-Belġju għandhom l-iskwadra kollha disponibbli għalihom. Bejn il-lasti mistenni jilgħab Koen Casteels li ħa post il-goalkeeper, Thibaut Courtois, li ma ntgħażilx fl-iskwadra minħabba injury li ħallietu barra mill-azzjoni għal xhur sħaħ.  

Id-difensur ċentrali, Denis Vavro, hu dubjuż għas-Slovakkja minħabba li għadu kif irkupraw minn injury u beda jittrenja ħafif. 

Dan il-konfront se jintlagħab fil-Commerzbank Arena ta’ Frankfurt.

Awstrija v Franza – 9.00 pm 

Franza, meqjusa bħala fost il-favoriti li jirbħu din l-edizzjoni, jagħmlu l-ewwel dehra tagħhom meta jiffaċċjaw lill-Awstrija, fl-ewwel partita minn Grupp D.

Les Bleus huma mmexxija mill-coach, Didier Deschamps, l-uniku wieħed li għadu ħaj li rebaħ it-Tazza tad-Dinja kemm bħala player (fl-1998) kif ukoll bħala coach (fl-2018). It-tnejn l-oħra huma Mario Zagallo u Franz Beckenbauer.

Issa huwa fdat bil-parteċipazzjoni numru 11 tal-Franċiżi f’din il-kompetizzjoni li huma rebħu fl-1984 u fl-2000. Dan ifis­ser li jekk jirbaħ din il-kompetizzjoni, isir l-uni­ku wieħed li rebaħ l-aktar żewġ unuri prestiġjużi kemm bħala player kif ukoll bħala coach meta kien rebaħ il-Euro fl-2000.

Il-Franċiżi jridu juru rispett lejn l-Awstrijaċi li huma mmexxija mill-coach, Ralf Rangnick, fejn jimmiraw li joħolqu sorpriża … meta l-aħħar darba li  huma għelbu lill-Franċiżi f’partita kompetittiva kien nhar is-6 ta’ Settembru 2008, bl-iskor ta’ 3-1, fit-Tazza tad-Dinja. 

L-Awstrija kellhom iħallu barra mill-iskwadra tliet elementi importanti – David Ala­ba u Sasa Kalajdzic minħabba injury tal-cruciate fil-ligamenti tal-irkoppa filwaqt li Xaver Schlager ukoll qed isofri minn injury fl-irkoppa iżda mhux daqstant gravi. 

Min-naħa tiegħu, l-attakkant vete­ran, Marko Arnautovic, jinsab fl-iskwadra għalkemm Michael Gregoritsch huwa l-għażla preferuta. 

Għal Franza, Kylian Mbappe jinsab f’siktu wara li kellu virus  iżda Aurelien Tchouameni se jkun nieqes minħabba injury fl-għaksa. 

Din il-partita se tintlagħab fil-Merkur Spiel Arena, f’Dusseldorf. 

Ekonomija

Sport