Saturday, July 20, 2024

Euro 2024: L-Italja f’logħba delikata kontra l-Kroazja

Aqra wkoll

Meta jintlagħbu l-aħħar partiti ta’ Grupp B tal-Euro 2024, l-Italja għandhom partita delikata meta jaffrontaw lill-Kroazja li jridu rebħa akkost ta’ kollox biex ikomplu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni. Riżultat ta’ draw jkun biżżejjed għat-Taljani biex jilagħbu fil-fażi eliminatorja.

ALBANIJA v SPANJA – 9.00 pm

Spanja, li diġá huma kkwalifikati għall-Aħħar 16,  huma favoriti li jtemmu l-impenji tagħhom ta’ Grupp B b’punti massimi meta jaffrontaw lill-Albanija. 

It-tem immexxi mill-coach, Luis de la Fuentes, wera sew il-qawwa tiegħu meta kiseb rebħiet u wirjiet bla ebda diskussjoni kontra l-Kroazja 3-0 u l-Italja 1-0.

Fuq kollox, il-goalkeeper tagħhom Unai Simon għadu ma sofra l-ebda goal iżda wieħed irid jgħid ukoll li quddiemu hemm fortizza mibnija fuq erba’ kolonni – Dani Carvajal, Robin Le Normand, Aymeric La­porte u Marc Cucurella.

U filwaqt li nofs il-ground huwa fdat lil Pedri, Rodri u Fabian Ruiz, it-tliet attakkanti Lamine Yamal, Alvaro Morata u Nico Williams, qed iħarbtu u jġibu fix-xejn lil kull difiża avversarja.

Peró, De La Fuentes mhux se jafda lill-Albaniżi li huma ferm perikolużi fil-kontrattakki tagħhom u għaldaqstant se jagħtihom kull rispetti li jistħoqqilhom.

L-Albanija ġejjin minn telfa ta’ 2-1 kontra l-Italja u draw ta’ 2-2 kontra l-Kroazja. Anke jekk kisbu biss punt s’issa, huma kienu sfida denja fuq dan l-palk internaz­zjonali u jimmeritahom kull applaws.

Huma xorta waħda jistgħu jikkwalifikaw jekk jegħlbu lil Spanja filwaqt li l-Italja u l-Kroazja jtemmu fi draw. 

Sadanittant il-ġurnali Spanjoli faħħru t-tattiċi tal-coach De La Fuentes kif ukoll il-wirjiet impekkabbli tal-players tiegħu li, flimkien mal-Ġermanja, qed jitqiesu bħala favoriti netti li jgħollu t-tazza.

Min-naħa Albaniża, il-coach Sylvinho mistenni jinżel bi pjan ta’ konteniment u jopera bil-kontrattakki biex jipprova jinfed lid-difiża Spanjola.

Huwa jinsab konxju mill-fatt li se tkun ferm diffiċli biex jegħleb lil Spanja iżda fil-football kollox huwa possibbli.

Fl-aħħar 16, issa Spanja jilagħbu kontra wieħed mit-timijiet li jispiċċa fit-tielet  post minn Gruppi A/D/E/F.

Il-logħba se tintlagħab fil-Merkur Spiel Arena, fil-belt ta’ Dusseldorf.

KROAZJA v ITALJA – 9.00 pm

L-Italja jimmiraw li jirritornaw għar- rebħ meta jiffaċċjaw lill-Kroati f’konfront mill-aktar delikat.

Għal dawn tal-aħħar xejn għajr minn reb­ħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom minħabba li ġejjin minn telfa ta’ 3-0 kontra Spanja u draw ta’ 2-2 kontra l-Albanija.

Għaldaqstant huma għandhom punt wie­ħed biss u jinsabu wkoll fix-xifer tal- elimi­nazzjoni.

Bla dubju, għal-livell li jippossjiedu, il-players Kroati ddiżappuntaw bil-kbir meta kien mistenni ħafna aktar minnhom f’dan it-tournament.

Il-coach, Zlatko Dalic, huwa konxju mill-potenzjal tal-players tiegħu u għal­daqstant jittama li jirreġistraw l-ewwel reb­ħa minkejja li se tkun ferm diffiċli għall-fatt li t-Taljani ġejjin minn telfa.

L-Azzurri bdew l-impenji tagħhom ta’ dan it-tournament b’rebħa ristretta ta’ 2-1 fuq l-Albanija iżda wara kellhom ibaxxu rashom quddiem il-qawwa ta’ Spanja bl-iskor ta’ 1-0 liema riżultat ma jagħti l-ebda stampa ċara tal-andament tal-partita minħabba li setgħet kienet goleada mill-Ispanjoli.

Aktar minn hekk, matul id-90 minuta, it-Taljani ndirizzaw xutt wieħed biss lejn il-lasti avversarji, li iżda, ma għamel l-ebda ħsara.  

Tradizzjonalment il-Kroati dejjem kienu avversarji diffiċli għat-Taljani fejn igawdu l-aħjar rekord.

Dawn iż-żewġ nazzjonijiet iltaqgħu disa’ darbiet fejn il-Kroati rreġistraw tliet reb­ħiet, it-Taljani rebħu waħda filwaqt li l-ħames partiti l-oħrajn spiċċaw fi draws.

Il-logħba se tintlagħab f’Leipzig Sta­dium, fil-belt ta’ Leipzig.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport