Monday, December 9, 2024

Euro 2024: Malta megħluba iżda mhux umiljata kontra l-Ingilterra

Aqra wkoll

Ingilterra ……2

Malta ………….0

F’partita valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, li ntlagħbet qud­diem attendenza ta’ madwar 90,000 spettatur fost­hom  2,000 partitarju Malti, it-team nazzjonali tagħna safa megħlub minn dak Ingliż, bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals jaslu wieħed f’kull taqsima … peró ma ġiex umiljat minħabba li ppreżenta wirja sodisfaċenti.

Ta’ nota huwa l-fatt li qabel il-partita ġiet osservata minuta silenzju għall-me­morja ta’  Sir Bobby Charlton, wieħed mill-aqwa players li lagħbu għall-Ingilterra li miet fil-21 ta’ Ottubru, fl-etá ta’ 86 sena.

Intant, mas-suffara inizjali kienu l-Maltin li resqu li jiftħu l-iskor meta wara ftit sekondi Matthew Guillau­mier għadda tajjeb lejn Teddy Teuma li t-tentattiv tie­għu minn barra l-kaxxa għad­da jħakkek ma’ sieq il- lasta.

Iżda fit-tmien minuta, kienu l-Ingilterra li marru fil-vantaġġ meta Phil Foden daħal fil-kaxxa u fit-tentattiv li jixħet il-ballun lejn Harry Kane, l-istess ballun ħabat ma’ sieq Enrico Pepe u bi sfortuna kbira ħasad għal kollox lill-goalkeeper, Henry Bonello, biex ikkommetta auto-goal sfortunat.

Ir-reazzjoni tal-Maltin waslet erba’ minuti wara meta Guillaumier approfitta minn indeċizjoni ta’ Harry Maguire, għadda tajjeb lejn Paul Mbong, li ġibed lejn ix-xellug u minn tarf il-kaxxa l-kbira venven xutt iżda l-mira tiegħu spiċċat għoli.

Fit-18-il minuta, l-Igilterra reġgħu ħolqu l-periklu meta Phil Foden xeħet cross-shot mix-xellug li iżda sab lill-goalkeeper Bonello ferm attent.

Fis-27 minuta, free-kick insidjuż ta’ Teddy Teuma ġie devjat f’corner bir-ras mill-captain Harry Kane.

Żewġ minuti wara, l-is­tess Kane ġie ammonit għal simulazzjoni wara li aċċentwa l-waqgħa fil-kaxxa hekk kif Bonello ħareġ minn postu biex jantiċipah.

Wara l-mistrieħ, kien biss fl-64 minuta li waslet l-az­zjoni sussegwenti, bl-Ingliżi jkunu huma li joħolqu l-periklu, meta Trent Alexander-Arnold kellu xutt mill-viċin salvat minn mal-art minn Bonello.

Fil-75 minuta, it-team immexxi mill-manager Gareth Southgate, issiġilla r-rebħa meta f’azzjoni li kienu nvoluti erba’ players, Bukayo Saka serva fuq platt tal-fidda lil HARRY KANE li minn taħt il-lasta ma ħafirx, b’dan ikun it-tmien goal tiegħu minn seba’ logħbiet tal- Ingliżi f’dan il-grupp.

Żewġ minuti biss wara, huma kellhom ferħa bla temma meta Declan Rice kellu xutt kważi minn tarf il-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lil Bonello jsalva.

Madankollu, wara li kkonsulta mal-VAR, ir-refe­ree Portugiż, Luis Godinho, ħassar dan il-goal minħabba li ġġudika li Harry Kane kien jinsab f’pożizzjoni ta’ offside fejn tellef ukoll il- viżjoni ta’ Bonello fl-istess azzjoni.

Malta wieġbet fit-83 minuta permezz ta’ xutt b’saħħtu ta’ Yannick Yankam minn pożizzjoni ideali li għadda ftit għoli.

INGILTERRA: 1-Jordan Pickford, 2-Kieran Trippier, 3-Fikayo Tomori (17-Bukayo Saka 46), 4-Conor Gallagher (12-Kyle Walker 46), 5-Marc Guehi, 6-Harry Maguire, 7-Phil Foden, 8-Jordan Henderson (18-Declan Rice 61), 9-Harry Kane, 10-Trent Alexander-Arnold, 11-Marcus Rashford (21-Cole Palmer 61)   – Coach: Gareth Southgate

MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli, 4-Steve Borg, 6-Matthew Guillaumier (19-Bjorn Kristensen 59), 7-Joseph Mbong (2-Cain Attard 86), 9-Paul Mbong (11-Jodi Jones 59), 10-Teddy Teuma, 13-Enrico Pepe, 14-Kemar Reid (17-Kyrian Nwoko 79), 20-Yannick Yankam, 21-Jean Borg (22-Zach Muscat 79)  – Coach: Michele Marcolini

REFEREE: Luis Godinho (Portugall)

ASS. REFEREES: Rui Teixeira, Luis Campos (Portugall)

RABA’ UFF: Ricardo Baixinho (Portugall)

SKORERS: E. Pepe og 8, H. Kane 75 (I)

AMMONITI: F. Tomori, H. Kane (I), M. Gullaumier, P. Mbong (M)

ATTENDENZA: 90,000 

Ekonomija

Sport