Wednesday, July 24, 2024

Euro 2024: Skozja jkollhom jistennew … Turkija u Albanija f’xifer il-kwalifikazzjoni

Aqra wkoll

Meta beda jintlagħab il-programm tas-seba’ ġurnata tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, Skozja kellhom bżonn punt biex isiru l-ewwel team li jikkwalifika għall-fażi finali. Iżda huma sfaw megħluba minn Spanja bl-iskor ta’ 2-0 biex issa jkollhom jistennew.

L-Ispanjoli ddominaw għal kollox l-ewwel taqsima fejn resqu viċin li jiftħu l-iskor minn Pau Torres, Alvaro Morata filwaqt li Mikel Merino ġie mċaħħad mil-lasta.

Iżda wara l-mistrieħ, Skozja kienu ferm aħjar fejn Scott McTominay kellu ġmiel ta’ goal imħassar minn free-kick li deher wieħed leġittimu. Peró, l-Ispanjoli skorjaw darbtejn minn Alvaro Morata (74) u Ohian Sancet (86). 

Barra minn darhom, in-Norveġja għelbu lil Ċipru bl-iskor ta’ 4-0 bil-goals jaslu minn Alexander Sorloth (33), Erling Haland (65, 72) u Fredrik Aursnes (81). 

Grupp D– Fid-debutt tal-coach Vincenzo Montella, it-Turkija marru l-Kroazja u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal importanti jasal minn Baris Yilmaz (30) … biex issa jonqoshom biss punti biex jikkwalifikaw.  

Latvja kisbu l-ewwel rebħa u l-ewwel punti meta ospitaw lill-Armenija u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0 minkejja li lagħbu bi player inqas għal kważi taqsima sħiħa. 

Il-goals tagħhom waslu minn Janis Ikaunieks (39) u Daniels Balodis (68), b’Marcis Oss (52) jitkeċċa fit-52 minuta. 

Grupp E – L-Albanija telgħu fl-ewwel post ta’ dan il-grupp b’rebħa ta’ 4-0 fuq ir-Repubblika Ċeka li spiċċaw jilagħbu b’10 players wara li tkeċċa Mojmir Chytil (40). L-iskorers Albaniżi kienu Jasir Asani (9), Taulant Seferi (51, 73) u Arbnor Muja (82). 

Barra minn darhom, il-Polonja għelbu lil Faroe Islands 2-0 bil-goals jiġu skorjati minn Sebastian Szymanski (4) u Adam Buksa (66). Faroe kellhom lil Hordur Askham (49) imkeċċi. 

Grupp I – Kosovo marru Andorra u rebħu bl-iskor ta’ 3-0 permezz ta’ Milot Rashica (26, 71) u Altin Zeqiri (83). 

Il-partita bejn l-Iżrael v l-Isvizzera ma ntlagħbitx minħabba l-inkwiet politika li għaddej bħalissa fl-Iżrael  fuq l-Istrippa ta’ Gaza.  

Ekonomija

Sport