Friday, July 19, 2024

Euro 2024: Spanja v Italja l-aktar mistennija

Aqra wkoll

Illum id-dilettanti għandhom xalata ta’ football hekk kif se jkunu fix-xena l-Ingilterra u l-Italja li se jilagħbu kontra d-Danimarka u Spanja rispettivament.

Interessanti huwa l-fatt li minn dawn l-erba’ timijiet huma biss l-Ingliżi li għadhom ma daqux dan is-suċċess.

SLOVENJA v SERBJA – 3.00 pm

Fl-ewwel partita tal-lum tintlagħab dik minn Grupp C bejn is-Slovenja u s-Serbja.

Filwaqt li s-Sloveni temmew fi draw ta’ 1-1 kontra d-Danimarka, is-Serbi sfaw megħluba bl-iskor ta’ 1-0 mill-Ingilterra.

Bla dubju, is-Sloveni jimmiraw li juru l-istess spirtu kumbattiv kontra t-team qaw­wi tas-Serbja.

Il-coach tagħhom, Matjaz Kek, kien kuntent bil-wirja kontra d-Danimarka wara li sabu ruħhom minn taħt wara 17-il minuta biex fit-tieni taqsima  wettqu reazzjoni u kisbu d-draw minn Erik Janza.

Min-naħa tas-Serbi, dawn iridu jinsew it-telfa kontra l-Ingilterra jirriorganizzaw minħabba li telfa tista’ tfisser eliminazzjoni.

Peró, fl-istess waqt huma wrew li għandhom potenzjal qawwi fit-team hekk kif fit-tieni taqsim kontra l-Ingilterra, huma kibru fl-istaturi u xeħtu lill-avversarji tagħhom taħt pressjoni kontinwa.

Rebħa tħalli lis-Serbi jittamaw fejn ikunu wkoll jistgħu jikkwalifikaw bħala t-tielet team għal mal-Aħħar 16.

Il-coach, Dragan Stojkovic, se jkollu jgħaddi mingħajr il-winger ta’ Juventus Fi­lip Kostic filwaqt li l-captain Dusan Tadic mistenni jkun fil-formazzjoni inizjali.

Slovenja ma jidhirx li għandhom problemi ta’ players imweġġgħin.

Il-logħba se tintlagħab fl-Allianz Arena, fi Munich.

DANIMARKA v INGILTERRA – 6.00 pm

Id-Danimarka u l-Ingilterra se jerġgħu jiltaqgħu fil-Kampjonat Ewropew wara tliet snin meta il-Euro 2020 kienu t-Three Lions li kienu rebħu 2-1 wara l-ħin barrani.

Iż-żewġ naħat kellhom bidu kuntrastuż f’din l-edizzjoni hekk kif l-Ingliżi ħarġu rebbieħa b’goal uniku kontra s-Serbja filwaqt li d-Daniżi kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ 1-1 kontra s-Slovenja.

Huma fetħu l-iskor minn Christian Eriksen … eżattament 1,100 ġurnata wara li sofra minn attakk tal-qalb fil-partita kontra l-Isvezja li kellha tiġi sospiża.

Madankollu, il-coach Daniż Kasper Hjulmand, ma tantx kien kuntent bil-wirja kontra s-Slovenja fejn tenna li fit-tieni taqsima l-players tiegħu kienu wisq passivi.

Ir-rebbieħa tal-edizzjoni tal-1992 iridu jkunu l-aqwa forma tagħhom iżda Hjulmand sostna li rebħa kontra l-Ingilterra mhijiex impossibbli.

Il-coach Ingliż, Gareth Southgate, għandu x-xorti li jista’ jistrieħ fuq il-forma ta’ Jude Bellingham li jinsab għaddej minn mument pożittiv hekk kif rebaħ ukoll il-UEFA Champions League u La Liga ma’ Real Madrid.

Southgate talab lill-players tiegħu biex ikunu aktar inċiżivi quddiem il-lasti avversarji. Difensivament it-team lagħab tajjeb hekk kif żamm clean sheet. Peró l-attakkanti jridu jkunu aktar arroganti u determinanti għax il-logħba tintrebaħ bil-goals.

L-Ingliżi jistgħu jkunu l-ewwel nazzjon fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew li jagħ­mlu ħames logħbiet konsekuttivi fil-fażi ta’ Gruppi mingħajr ma jaqilgħu goal.

Il-logħba se tintlagħab fid-Deutsche Bank Park, fi Frankfurt.

SPANJA v ITALJA – 9.00 pm

Dan huwa konfront ferm mistenni hekk kif kull darba dawn iż-żewġ timijiet jaffrontaw lil xulxin, dejjem joħolqu spettaklu.

Aktar minn hekk, jimmiraw li jiksbu t-tieni rebħa nfila tal-Fażi tal-Gruppi biex itemmu fil-quċċata.

Forsi wieħed jiftakar il-finali tas-sena 2012 fejn l-Ispanjoli kienu għelbu lit-Taljani bl-iskor ta’ 4-0.

Minkejja li fl-ewwel ħarġa tagħhom iż-żewġ timijiet irreġistraw rebħa, l-Ispanjoli kienu aktar konvinċenti hekk kif għelbu lill-Kroazja bl-iskor ta’ 3-0, b’goals minn Alvaro Morata, Fabian Ruiz u Dani Carvajal.

Il-coach, Luis de la Fuente, kien sodisfatt bil-players tiegħu speċjalment bil-goalkeeper Unai Simon u biż-żagħżugħ Lamine Yamal li ta’ 16-il sena ddebutta f’din il-kompetizzjoni.

Immexxija mill-coach, Luciano Spalletti, l-Italja rnexxielhom idawru telfa f’rebħa biex għelbu lill-Albanija 2-1.

Wara li ġew maħsuba b’goal wara biss 22 sekonda, l-Azzurri kienu kapaċi minn sitwazzjoni ta’ defiċit li jdawru r-riżultat grazzi għal goals minn Alessandro Bastoni u Nicolo Barella.

L-Azzurri qed jimmiraw li jkunu t-tielet team li jgħolli t-tazza għat-tielet darba wara Spanja u l-Ġermanja.

Il-logħba se tintlagħab fil-Veltins Arena, f’Gelsenkirchen.

Ekonomija

Sport