Monday, October 21, 2024

Sentenza sospiża għal ġuvni li nstab ħati li saq fuq xufier ieħor

Aqra wkoll

Ġuvni ta’ 27 sena ġie ikkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sena, wara li l-Qorti sabitu ħati li saq għal fuq xufier ieħor waqt argument li nqala bejn l-akkużat u s-sewwieq l-ieħor.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ imur lura għal Frar tal-2021 f’San Ġwann, meta l-Pulizija rċeviet rapport li seħħ argument bejn żewġ persuni. Meta l-Pulizija marru fuq il-post, sabu li kien hemm inċident bejn karozza tal-għamla Nissan Juke u oħra tal-għamla Smart.

Meta ġie mitkellem mill-Pulizija, l-akkużat spjega li x-xufier tan-Nissan kien saq warajh u li ħareġ mill-vettura. Dan qal ukoll li meta resaq lejh, fetaħlu l-bieba.

Fil-Qorti, xehed ukoll ix-xufier tan-Nissan, fejn fix-xhieda tiegħu spjega li x-xufier tal-Ismart, jiġifieri l-akkużat kien qed isewih u sostna li rassu meta kien qiegħed mar-roundabout.

Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li l-Pulizija rnexxielha tikseb filmati tac-CCTV ta’ restorant li kien qiegħed viċin fejn seħħ l-inċident. Wara li eżaminat dawn il-filmati, ikkonfermat li qed taqbel mal-verżjoni tax-xufier tan-Nissan.

Fil-Qorti, xehdu wkoll psikjatra u uffiċjal tal-probation u spjegaw li kienu qed isegwu lill-akkużat. Huma kkonfermaw li l-akkużat qed ibati millkundizzjoni tal-awtiżmu, bil-psikjatra tagħti spjegazzjoni li minkejja li huwa ġuvni bilgħaqal, minħabba l-istess kundizzjoni, f’ċertu sitwazzjonijiet jaġixxi b’mod esaġerat.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni u tad-Difiża, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella kkundannat lill-akkużat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sena.

Il-Qorti orndat ukoll sabiex jitpoġġa taħt ordni ta’ superviżjoni għal sena.

Sport