Malta …… 0
Bosnja ……1
It-team nazzjonali tan-Nisa sofra telfa fl-aħħar żewġ minuti kontra l-Bosnja bl-iskor ta’ 1-0 liema partita kienet valida mir- round ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2025
Fil-veritá, il-Bosnjaċi kien jimmeritahom din ir-rebħa minħabba li kienu territorjalment aħjar fejn it-theddida tagħhom bdiet tasal mill-faxxa laterali xellugija hekk kif Selma Kapetanovic ma waqfitx tagħmel l-overlaps u tixħet crosses perikolużi, bid-difiża Maltija tinqabad f’sitwazzjonijiet diffiċli iżda l-attakkanti avversarji xejn ma kienu inċiżivi.
Fit-tieni taqsima, l-avversarji tagħna żiedu l-pressjoni fejn ġiegħlu lill-Maltin jirtiraw lura u jassorbu l-attakki tagħhom … sakemm ċedew fl-aħħar żewġ minuti biex l-istess avversarji qabżuna fil-klassifika.
Kienu l-Bosnja li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti resqu viċin li jiftħu l-iskor iżda x-xutt ta’ Marija Aleksic ġie mblukkat minn Emma Lipman.
Ir-reazzjoni Maltija kienet waħda mmedjata u rebħu corner wara li Marija Milinkovic antiċipat lil Jade Flask. U mill-istess corner Haley Bugeja setgħet għamlet aħjar meta minn tarf il-kaxxa ż-żgħira rat lill-goalkeeper, Almina Hodzic, issalva t-tentattiv tagħha.
Fit-13-il minuta, f’attakk korali tal-Bosnja, Selma Kapetanovic xeħtet cross insidjuż iżda l-goalkeeper Maltija, Patricia Ebejer, innewtralizzat mill-ewwel.
Żewġ minuti wara, il- Maltin ħelsuha ħafif meta x-xutt fil-baxx ta’ Minela Gacanica għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta. U fl-20 minuta, id-difiża tagħna nqabdet fuq sieq waħda meta Milena Nikolic xeħtet fuq Amela Krso, bid-daqqa ta’ ras tagħha tgħaddi ftit barra.
It-tieni taqsima bdiet bl- attakkanta tal-Bosnja, Emina Ekic tfalli l-mira u fit-52 minuta, Nikolic żmarkat għal kollox lil Gacanica li għamlet l-impossibbli hekk kif quddiem lasti vojta xeħtet għoli. Seba’ minuti wara, din id-darba kienet Ekic li falliet iċ-ċans tagħha.
Fis-70 minuta, il-Maltin reġgħu għaddew mill-periklu meta Dajana Spasojevic venvnet xutt minn barra l-kaxxa li ġie devjat f’corner minkejja li l-ballun ta l-impressjoni li seta’ daħal fix- xibka.
Fl-84 minuta waslet l-ewwel azzjoni perikoluża ta’ Malta meta minn pożizzjoni ideali x-xutt ta’ Maria Farrugia għadda minn fuq il- mimduda.
Peró erba’ minuta wara, il-Bosnjaċi skorjaw il-goal tar-rebħa meta MILENKA NIKOLIC għelbet lil Ebejer bir-ras mill-cross ta’ Krso.
Minuta wara, daħlet Dorianne Theuma fil-post ta’ Bugeja … biex din kienet l-aħħar dehra tagħha bil-flokk Malti wara li lagħbet 115-il darba għal pajjiżna …
MALTA: 23-Patricia Ebejer, 3-Ann-Maries Said, 4-Emma Lipman, 5-Stephania Farrugia, 8-Rachel Cuschieri (20-Nicole Sciberras 85), 10-Maria Farrugia, 11-Jade Flask (7-Kailey Willis 62), 14-Shona Zammit, 16-Charlene Zammit, 17-Brenda Borg, 21-Haley Bugeja (6-Dorianne Theuma 89) – Coach: Manuela Tesse
BOSNJA: 22-Almina Hodzic, 4-Gloria Sliskovic, 5-Marija Milinkovic, 6-Melisa Hasanbegvic, 8-Marija Aleksic, 9-Milena Nikolic, 10-Emina Ekic (7-Sofija Krajsumovic 90), 11-Selma Kapetanovic, 14-Minela Gacanica (15-Alma Krajnic 68), 17-Amela Krso (16-Andrea Cule 93), 18-Dajana Spasojevic – Coach: Selver Hodzic
REFEREE: Emily Heaslip (Ingilterra)
ASS. REFEREES: Nicoleta Bria, Grace Lowe (Ingilterra)
RABA’ UFF: Melissa Burgin (Ingilterra)
SKORER: M. Nikolic 88 (B)
AMMONITI: M. Aleksic (B); E. Lipman (M)