Wednesday, July 24, 2024

Euro 2025 tan-Nisa: Malta ċċedi lejn it-tmiem kontra l-Bosnja

Aqra wkoll

Malta …… 0

Bosnja ……1

It-team nazzjonali tan-Nisa sofra telfa fl-aħħar żewġ minuti kontra l-Bosnja bl-iskor ta’ 1-0 liema partita kienet valida mir- round ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2025

Fil-veritá, il-Bosnjaċi kien jimmeritahom din ir-rebħa minħabba li kienu territorjalment aħjar fejn it-theddida tagħhom bdiet tasal mill-faxxa laterali xellugija hekk kif Selma Kapetanovic ma waqfitx tagħmel l-overlaps u tixħet crosses perikolużi, bid-difiża Maltija tinqabad f’sitwazzjonijiet diffiċli iżda l-attakkanti avversarji xejn ma kienu inċiżivi.

Fit-tieni taqsima, l-avversarji tagħna żiedu l-pressjoni fejn ġiegħlu lill-Maltin jirtiraw lura u jassorbu l-attakki tagħhom … sakemm ċedew fl-aħħar żewġ minuti biex l-istess avversarji qab­żuna fil-klassifika. 

Kienu l-Bosnja li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti resqu viċin li jiftħu l-iskor iżda x-xutt ta’ Marija Aleksic ġie mblukkat  minn Emma Lipman.

Ir-reazzjoni Maltija kie­net waħda mmedjata u reb­ħu corner wara li Marija Milinkovic antiċipat lil Jade Flask. U mill-istess corner Haley Bugeja setgħet għamlet aħjar meta minn tarf il-kaxxa ż-żgħira rat lill-goalkeeper, Almina Hodzic, is­salva t-tentattiv tagħha.

Fit-13-il minuta, f’attakk korali tal-Bosnja, Selma Kapetanovic xeħtet cross insidjuż iżda l-goalkeeper Maltija, Patricia Ebejer, innewtralizzat mill-ewwel.

Żewġ minuti wara, il- Maltin ħelsuha ħafif meta x-xutt fil-baxx ta’ Minela Gacanica għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta.  U fl-20 minuta, id-difiża tagħna nqabdet fuq sieq waħda meta Milena Nikolic xeħtet fuq Amela Krso, bid-daqqa ta’ ras tagħha tgħaddi ftit barra.

It-tieni taqsima bdiet bl- attakkanta tal-Bosnja, Emi­na Ekic tfalli l-mira u fit-52 minuta, Nikolic żmarkat għal kollox lil Gacanica li għamlet l-impossibbli hekk kif quddiem lasti vojta xeħtet għoli. Seba’ minuti wara, din id-darba kienet Ekic li falliet iċ-ċans tagħha.

Fis-70 minuta, il-Maltin reġgħu għaddew mill-periklu meta Dajana Spasojevic venvnet xutt minn barra l-kaxxa li ġie devjat f’corner minkejja li l-ballun ta l-impressjoni li seta’ daħal fix- xibka.

Fl-84 minuta waslet l-ewwel azzjoni perikoluża ta’ Malta meta minn pożizzjoni ideali x-xutt ta’ Maria Farrugia għadda minn fuq il- mimduda.

Peró erba’ minuta wara, il-Bosnjaċi skorjaw il-goal tar-rebħa meta MILENKA NIKOLIC għelbet lil Ebejer bir-ras mill-cross ta’ Krso.

Minuta wara, daħlet Dorianne Theuma fil-post ta’ Bugeja … biex din kienet l-aħħar dehra tagħha bil-flokk Malti wara li lagħbet 115-il darba għal pajjiżna …  

MALTA: 23-Patricia Ebejer, 3-Ann-Maries Said, 4-Emma Lipman, 5-Stephania Farrugia, 8-Rachel Cuschieri (20-Nicole Sciberras 85), 10-Maria Farrugia, 11-Jade Flask (7-Kailey Willis 62), 14-Shona Zammit, 16-Charlene Zammit, 17-Brenda Borg, 21-Haley Bugeja (6-Dorianne Theuma 89) – Coach: Ma­nuela Tesse

BOSNJA: 22-Almina Hodzic,  4-Gloria Sliskovic, 5-Mari­ja Milinkovic, 6-Melisa Hasanbegvic, 8-Marija Aleksic, 9-Milena Nikolic, 10-Emina Ekic (7-Sofija Krajsumovic 90), 11-Selma Kapetanovic, 14-Minela Gacanica (15-Alma Krajnic 68), 17-Amela Krso (16-Andrea Cule 93), 18-Dajana Spasojevic – Coach: Selver Hodzic

REFEREE: Emily Heaslip (Ingilterra)

ASS. REFEREES: Nicoleta Bria, Grace Lowe (Ingilterra)

RABA’ UFF: Melissa Burgin (Ingilterra)

SKORER: M. Nikolic 88 (B)

AMMONITI: M. Aleksic (B); E. Lipman (M)

Ekonomija

Sport