Saturday, May 18, 2024

FA Cup: Man U. jirbħu fl-aħħar u Spurs u s-Saints eliminati

Aqra wkoll

Wara li nhar il-Ħadd li għadda Manchester United rebħu l-League Cup, huma għamlu pass ieħor biex jippruvaw jirbħu l-FA Cup ukoll meta f’Old Tradfford għelbu lil West Ham 3-1 fil-ħames round.

Kienu l-Hammers li fetħu l-iskor minn Said Benrahma fl-54 minuta bil-goal jiġi konvalidat mill-VAR wara li l-players tal-United ħasbu li l-ballun mar barra għal throw-in iżda anke hawn il-VAR iddeċieda li Tomas Soucek żamm il-ballun ġewwa.

Il-VAR reġa’ kien protagonista meta ħassar goal bir-ras ta’ Casemiro għal offside.

Iżda fis-77 minuta Nayed Aguerd ikkommetta auto-goal minn corner ta’ Bruno Fernandez waqt li fid-90 minuta Alejandro Garnarcho poġġa lill-United minn fuq u fil-95 minuta Fred issiġilla r-rebħa.

*Il-leaders taċ-Championship, Burnley, kellhom jitħabtu biex għelbu lil Fleewood Town li jinsaabu fil-11-il post ta’ League One 1-0 b’goal fid-90 minuta minn Connor Roberts bi Fleetwood ikollhm lil Cian Hayes imkeċċi fil-45+1 minuta.

*Sheffield United taċ-Championship issorprendew lil Tottenham meta għelbuhom 1-0 fi Bramall Lane u b’hekk Spurs huma ċerti li se jkollhom staġun ieħor mingħajr rebħ ta’ unuri. Il-goal importanti wasal fid-79 minuta minn Iliman Ndiaye.

*Iżda l-ikbar sorpriża wettquha Grimsby Town li eliminaw lil  Southampton 2-1 f’St Mary’s Stadium meta jinsabu fis-16-il post ta’ League Two.

Żewġ penalties fil-45 u fil-50 minuta minn Gavin Holohan poġġew lil Grimsby żewġ goal minn fuq iżda Duje Caleta-Car naqqas id-distakk għas-Saints li qed ikollhom staġun negattiv meta anke jinsabu fil-qiegħ tal-Premier League.

Sport