Tuesday, December 24, 2024

FA Trophy: Finali miftuħa beraħ bejn Floriana u Sliema Wanderers

Aqra wkoll

minn Cristian Muscat

Illum jinżel is-siparju tal-istaġun 2003-24 bil-finali epika tal-Izibet FA Trophy,  bejn ir-rivali eterni Floriana u Sliema Wan­derers – fl-Old Firm Derby.  

Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li rebħu dan l-unur għal 21 darba kull wieħed u għaldaqstant min jirbaħ minnhom ikun l-aktar wieħed li rebaħ dan l-unur prestiġjuż. 

Aktar minn hekk jekk il-Wanderers joħorġu rebbieħa jkunu l-ewwel team promoss vittorjuż ta’ din il-kompetizzjoni. 

Din se tkun is-16-il finali bejn dawn iż-żewġ timijiet glorjużi fejn fil-15 preċedenti l-Furjaniżi rebħu 9 filwaqt li Slimiżi rebħu 6. 

Matul dan l-istaġun, fil- kampjonat iltaqgħu darb­tejn bil-Greens jagħmlu double fuq il-Blues bl-iskor identiku ta’ 2-0. 

Biex waslu sa dan l-is­tadju, Floriana eliminaw lil Naxxar 2-0 fit-tieni round, lil Zebbug Rangers 7-0 fit-tie­let round,  lil Marsa­xlokk 2-0 fil-kwarti-finali u lil Gzira United 5-4 bl-għoti tal-penalties wara draw ta’ 2-2 fis-semi-finali. 

Il-Wanderers għelbu lil Marsaskala 3-0 fit-tieni round, lil Balzan 1-0 wara l-ħin barrani fit-tielet round, lil Mosta 4-3 bl-għoti tal- penalties wara draw ta’ 2-2 fil-kwarti-finali u lil Birkirkara 1-0 fil-ħin barrani fis- semi-finali. 

Floriana ma jistgħux jutilizzaw liż-żewġ players sospiżi, Oualid El Hasni u Ma­tias Nicolas Garcia filwaqt li Edmond Agius huwa sospiż għal Sliema.    

Ta’ min jgħid ukoll li din il-finali kienet tfisser ukoll li Marsaxlokk, ikklassifikati fir-raba’ post, ikkwalifikaw biex jieħdu sehem fil-UEFA Conference League. 

Dan minħabba li r-rebbieħa tal-lum ikklassifikaw quddiem ix-Xlukkajri fil- kampjonat … Floriana fit-tieni post, segwiti minn Slie­ma. 

Għal din il-partita, ġiet organizzata konferenza tal-aħbarijiet fejn tkellmu ż-żewġ coaches rispettivi. 

Il-coach ta’ Floriana, Mauro Camoranesi, sostna li minkejja li l-kampjonat intemm fuq nota mill-aktar negattiva, xorta waħda jinsab kuntent għal mod kif it-team lagħab matul l-istaġun kollu li ppermetta lill-Greens jikkwalifikaw lura għall-kompetizzjoni­jiet Ewropej u issa għandu din il-possibbiltà li jirbħu dan l-unur prestiġjuż.

Huwa sostna li għandu rispett kbir lejn l-avversarji minħabba li huma team konsistenti u li jsofri ftit goals. 

Iżda l-fatt li Floriana għelbu lil Sliema darbtejn fil-kampjonat jindika l-qaw­wa tat-team u għaldaqstant għandu fiduċja għal riżultat pożittiv.  

Il-midfielder, Dunstan Vella, stqarr li wara l-partita diżappuntanti kontra Hamrun Spartans, it-team irnexxielu jagħmel reazzjo­ni biex b’mertu tagħhom ikkwalifikaw għal din il-finali.

Fis-semi-finali kontra Gzi­­ra United, Floriana wrew determinazzjoni kbira għax wara li rkupraw żvantaġġ ta’ żewġ goals … u kisbu d-draw, tkeċċew­lhom żewġ players biex kel­lhom jilagħbu għal madwar siegħa sħiħa b’disa’ players. 

Għaldaqstant, dan huwa l-mument biex itemmu l-istaġun fuq nota għolja. 

Min-naħa tiegħu, il-coach ta’ Sliema Wanderers, Paul Zammit, enfasizza l-mixja diffiċli lejn it-triq għal din il-finali … bi tliet partiti  jmorru lil hinn mid-90 minuta – kontra Balzan, Mosta u Birkirkara.

Huwa tenna li jinsab sodisfatt għal mod kif f’dawn is-sentejn it-team inbena fuq bażi soda u bil-wirjiet pożittivi bdew jemmnu li għandhom il-potenzjal biex jikkompetu. 

U għaldaqstant din il-finali hija l-livell massimu li setgħu jilħqu wara din il-ħidma sfieqa. 

It-tragward tal-finali tal-FA Trophy huwa rigal għalihom stess wara li l-kamp kollu Slimiż ħadem bla waq­fien. 

Zammit stqarr li se jilagħbu kontra team qawwi iżda fl-istess waqt jittama li l-players tiegħu jibqgħu jżommu l-konsistenza li wrew matul l-istaġun. 

Min-naħa tal-midfielder, Mark Scerri, qal li l-fatt li Floriana kisbu d-double fuqhom f’dan l-istaġun, jittama li jirbħu din il-finali … wara li fl-istaġun 2016-17, Sliema rreġistraw tliet rebħiet fuq Floriana (meta l-kampjonat intlagħab bi tliet rounds) iżda kienu dawn tal-aħħar li għelbuhom fil-final tal-FA Trophy. 

Ekonomija

Sport