Wednesday, July 24, 2024

FA Trophy: Floriana jikkwalifikaw b’doppjetta ta’ Willis Furtado

Aqra wkoll

Marsaxlokk ……..0

Floriana ………….2

Floriana kisbu l-passaġġ għas-semi-finali tal-Izibet FA Trophy meta bl-aktar mod meritat għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 2-0, u meta wieħed iqis l-azzjonijiet li huma ħolqu, ir-rebħa setgħet kienet ferm akbar.

Min-naħa l-oħra, xorta waħda ta’ min ifaħħar il-wirja ta’ Marsaxlokk, immexxija mill-coach Winston Muscat, li offrew oppożizzjoni denja lill-Greens.

Kienu Floriana li ħolqu l-ewwel periklu fl-14-il mi­nuta meta xutt minn pożiz­zjoni ideali ta’ Matheus De Sousa għadda ftit għoli.

Huma komplew fuq l-offensiva u fit-34 minuta corner dirett ta’ Jake Grech ġie devjat f’corner ieħor mill-goalkeeper, Marko Drobnjak.

Żewġ minuti biss wara, De Sousa kellu tentattiv in­terċettat minn Drobnjak wara li ħareġ barra minn postu.

Fil-45 minuta, Kemar Willis Furtado kellu  free-kick insidjuż jgħaddi jħakkek mal-mimduda.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, kienu Marsaxlokk li resqu viċin meta xutt ta’ Yuri De Jesus Messias minn barra l-kaxxa għadda ftit għoli.

Iżda mill-azzjoni li segwiet, fid-49 minuta, Floriana fetħu l-iskor meta WILLIS FURTADO, minn azzjoni ta’ kontrattakk veloċi, avvanza tajjeb fil-kaxxa u permezz ta’ xutt b’saħħtu fil-baxx tefa’ l-ballun fi-rokna tax-xibka.

Marsaxlokk wieġbu fid-59 minuta permezz ta’ xutt  ta’ Nikolai Muscat mid-distanza li ntemm ftit għoli.

Fis-87 minuta, Floriana reb­ħu penalty meta Furtado twaqqa’ fil-kaxxa u mill-11-il metru, l-istess WILLIS FURTADO ra lill-goalkeeper, Marko Drobnjak, jilqa’ parzjalment u minn rebound xeħet il-ballun fix-xibka. 

Dan ifisser li minn 12-il logħba mal-Greens, huwa skorja xejn inqas minn seba’ goals minbarra li wettaq sitt assists.

Bil-partita mirbuħa u mitlufa ma kienx fadal ħin biex Marsaxlokk segtħu b’xi mod jieħu l-partita fil-ħin  barrani.

MARSAXLOKK: 95-Marko Drobnjak, 3-Weder Da Silva Soares (17-Jacob Walker 78), 4-Karl Micallef (11-Duane Bonnici 78), 6-Nikolai Muscat (23-Samuel Boakye 85), 8-Jake Ghio (99-Anthony Obonogwu 63), 10-Yuri De Jesus Messias, 27-Leandro Aguirre, 28-Nikola Raden, 30-Ryan Scicluna, 88-Sunday Akinbule, 94-Jose Feranndo Junior Gomes   – Coach: Winston Muscat

FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 4-Oualid El Hasni, 8-Jake Grech (24-Lorenzo De Grazia 90), 10-Jose Ulises Arias (12-Dunstan Vella 77), 11-Matheus De Sousa (9-Kemar Reid 77), 17-Owen Spiteri, 20-Matias Nicolas Garcia, 42-Maksim Valadzko (21-Carlo Zammit Lonardelli 82), 55-Alexandros Kouro, 77-Aleandro Garzia, 94-Willis Furtado (22-Kyrian Nwoko 90)   – Coach: Mauro Camoranesi

REFEREE: Philip Farrugia

ASS. REFEREES: Duncan Sultana, Mark Ciantar

RABA’ UFF: Daniel Portelli

SKORER: W. Furtado 49, 87 (F)

AMMONITI: K. Micallef, J. Fernando Junior, M. Drobnjak (M), J. U. Arias, M. Garcia (F)

Ekonomija

Sport