Tuesday, February 4, 2025

FA Trophy: Mil-lum jibda jintlagħab ir-round tal-Aħħar 16

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Bejn illum u nhar il-Ħamis jintlagħbu l-partiti tal-Aħħar 16 tal-FA Trophy li huma komposti minn disa’ timijiet mill-Malta Premier, erba’ timijiet miċ- Challenge League, żewġ timijiet mill-Amatuer Lea­gue u team mill-Kampjonat Għawdxi. 

Marsa v Sliema W. – Il-holders Sliema Wander­ers jibdew favoriti meta jilagħbu kontra t-team miċ- Challenge Lea­gue, Marsa. 

Fir-round preċedenti, il- Wanderers irreġistraw reb­ħa mill-aktar faċli meta għelbu lil Għajnsielem bl-iskor ta’ 8-0 … filwaqt li l-Marsin għelbu lil Pietá Hotspurs bl-iskor ta’ 5-1.

Sliema u Marsa ltaqgħu sitt darbiet f’din il-kompetizzjoni fejn is-Slimiżi reb­ħu tlieta, Marsa rebħu      tnejn, bl-oħra tispiċċa fi draw.

Zabbar SP v Hamrun S. – Dan huwa l-uniku konfront bejn żewġ timijiet tal-Premier. 

Inċidentalment, kemm Zabbar St Patrick kif ukoll Hamrun Spartans avvanzaw għal dan ir-round billi kisbu skor identiku ta’ 5-0 fuq iż-żewġ timijiet taċ-Challenge League, Lija Athletic u Pietá Hotspurs rispettivament. 

Din se tkun il-ħames partita bejn dawn iż-żewġ ti­mijiet hekk kif il-Ħamruniżi dejjem ħarġu rebbieħa fl-erbgħa preċedenti. 

Victoria H. v Floriana – Din hija logħba delikata għal Floriana hekk kif jaffrontaw lit-team Għawdxi, Victoria Hotspurs, li qed jillidja l-klassifika ta’ Amateur League 2 b’punti massimi. 

Għaldaqstant il-Greens iridu juru rispett massimu anke jekk fuq il-karta jibdew bħala favoriti. 

Fir-round preċedenti, Flo­riana ltaqgħu wkoll kontra team Għawdxi, Xewkija Tigers, u kellhom jitħabtu biex ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0. 

Victoria Hotspurs, issuperaw żewġ ostakli – Sen­glea Athletic (3-0) u Xagħra United (5-1). 

Fl-unika laqgħa bejn iż-żewġ timijiet, fl-2013/14, Floriana kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-1.

Qala S. v Hibernians – It-team li jinsab fit-tieni post tal-Kampjonat Għawdxi, Qala Saints, jiltaqa’ kontra Hibernians li qed jokkupaw is-seba’ post tal-Premier. 

Filwaqt li Qala eliminaw lil St Andrew’s bl-iskor ta’ 2-0, Hibernians rebħu lil Zebbug Rangers bl-iskor ta’ 3-0.

Dan se jkun it-tieni konfront bejn iż-żewġ timijiet hekk kif fl-istaġun li għadda l-Pawlisti ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0. 

Qala għandhom lil Manwel Scerri sospiż. 

Fgura U. v Birkirkara – It-team miċ-Challenge League, Fgura United jiltaqa’ ma’ Birkirkara. 

Filwaqt li fl-aħħar round huma għelbu lil Attard bl-iskor ta’ 3-0, Birkirkara għelbu lil Balzan 2-1. 

Fl-uniku partita li lagħbu f’din il-kompetizzjoni, Birkirkara kienu għelbu lil Fgura 4-0. 

Gzira U. v Valletta – Gzira United jaffrontaw lit-team miċ-Challenge League, Va­letta, li rebħu din il-kompetizzjoni għal 14-il darba għal waħda li rreġistraw il-Maroons, fl-1972/73, wara żewġ replays kontra Birkirkara.

Biex waslu sa dan l-is­tadju, il-Gżirjan għelbu lil Gudja United 5-0 filwaqt li Valletta ssuperaw liż-żewġ timijiet Għawdxin, Nadur Youngsters (3-1 wara l-ħin barrani) u SK Victoria Wanderers (4-0).

Fl-erba’ logħbiet pre­ċedenti Valletta rebħu tlieta filwaqt li Gzira rebħu waħda.

Mosta v Qrendi – Mosta jibdew favoriti meta jiffaċ­ċjaw lit-team mill-Amateur League, Qrendi. 

Mosta eliminaw lil Mar­saxlokk bl-iskor ta’ 3-0 filwaqt li Qrendi rebħu lil Sirens 2-0. 

Din se tkun l-ewwel partita bejn iż-żewġ it-timijiet f’din il-kompetizzjoni. 

Zurrieq v Naxxar L. – Zurrieq, li rebħu din il-kompetizzjoni fl-1984/85 u li bħalissa jinsabu fit-tmien post taċ-Challenge League, jaffrontaw lil Nax­xar Lions li jinsabu fl-aħħar post tal-Malta Premier Lea­gue mingħajr l-ebda punt u għaldaqstant għandu jkun konfront bilanċjat.

Fl-aħħar round, Zurrieq għelbu lil Mellieħa 1-0  filwaqt li Naxxar rebħu lil Melita 4-2, biż-żewġ partiti jiġu deċiżi fil-ħin barrani.

Din se tkun it-tieni partita  bejniethom meta f’dik preċedenti, fl-1998/99, Nax­xar rebħu 2-1.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport