Friday, April 17, 2026

Falliment fid-diplomazija tal-Amministrazzjoni Trump

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem rajna l-falliment tas-suppost negozjati li kienu għaddejjin bejn l-Iran u l-Istati Uniti dwar it-tensjoni fil-Golf Għarbi.  Kienet tensjoni li affettwat lid-dinja b’mod negattiv.  Tensjoni u attakki li nbdew mill-Istati Uniti u minn Iżrael.  

Attakki li sa issa għadna ma nafux eżattament għaliex bdew u fejn trid tasal l-Istati Uniti. Xi ħaġa li qegħdin jaraw pajjiżi oħra inkluż l-alleati ta’ l-istess Stati Uniti fosthom dawk Ewropej. Dawn qegħdin jgħidu ċar u tond li din il-gwerra mhix tagħhom. Lil hinn minn dan, kunflitt mibdi mill-Istati Uniti qiegħed jaffettwa b’mod negattiv liċ-ċittadini madwar id-dinja.  L-inflazzjoni qiegħda togħla waqt li l-prezz taż-żejt jibqa’ instabbli għal aħħar. F’diversi pajjiżi qegħdin naraw protesti kbar minn residenti minħabba żidiet fil-prezz tal-fjuwil. 

U ejja ngħiduha kif inhi, il-messaġġi li qegħdin jaslu mill-Istati Uniti huma kunfliġġenti u kontrastanti għall-aħħar. Mument bħal dak meta il-Viċi President tal-Istati Uniti, J. D. Vance, fil-Pakistan  ħabbar li wara maratona ta’ 21 siegħa ta’ diplomazija ma kien intlaħaq l-ebda ftehim biex tintemm il-gwerra mal-Iran, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump kien f’Miami jara ġlieda tal-arti marzjali.  X’kuntrast. 

F’mument sensittiv bħal dan, meta r-riżultat ta’ din il-gwerra illegali u l-istabbiltà tas-swieq globali kienu fix-xifer u mdendlin, Donald Trump jagħżel l-ispettaklu fuq l-impenn li jintemm dan il-kunflitt inutli. 

Dan joħloq diversi messaġġi. Jagħti lok għal spekulazzjoni. Il-messaġġ hu ċar ħafna u ma tantx hemm fejn iddur. Il-President Donald Trump bl-għażla tal-ispettaklu fuq id-diplomazija  wera li mhux qiegħed jagħti l-importanza li tixraq lis-sustanza tal-interventi diplomatiċi. 

Hu ċar li t-taħdidiet li saru bejn l-Istati Uniti u l-Iran ma fallewx b’kumbinazzjoni. Kien jidher ċar xi trid l-Istati Uniti. Kellek pożizzjonijiet kontrastanti bl-Istati Uniti tgħid li l-Iran irid jabbanduna l-kapaċità tiegħu li jiżviluppa arma nukleari, waqt li l-Iran  jinsisti li mhux qed ifittex li jibni armi nuklejari. L-Iran qiegħed jgħid li  għandu d-dritt għal programm nukleari ċivili. 

Ma’ dan imbagħad l-Istati Uniti riedet li l-Istrett ta’ Hormuż, li minnu jgħaddu 20 fil-mija taż-żejt fid-dinja, ikun ħieles.

Ġara iżda li l-Iran għażel triq oħra. Dik li jikkontrolla l-Istrett u dan għamlu permezz ta’ tariffi ta’ tranżitu. Quddiem sitwazzjoni bħal din, kważi impossibbli li ż-żewġ naħat jaslu għall-konklużjoni jew xi tip ta’ ftehim. Iż-żewġ naħat telqu minn punt ta’ nuqqas kbir ta’ fiduċja. Donnu aktar kien jinteressahom kemm se jidhru li rebħu, milli li jkun hemm kunsens għal ftehim ta’ paċi. 

Imma ejja ngħiduha ukoll kif inhi. F’dan kollu hawn ironija kbira. Għandna l-Istati Uniti, immexxija mill-President Donald Trump,  li qiegħda tinnegozja fuq programm nuklejari, li żmien ilu kien kontrollat minn ftehim li kien hu stess li kisru.  Apparti dan kien qed jinnegozja biex jiftaħ l-Istrett ta’ Hormuż, li spiċċa ingħalaq wara li kien hu stess li beda l-kunflitt bl-attakk fuq l-Iran. 

U sadanittant, id-dinja tibqa’ tistenna. Tibqa’ l-ansjetà. Tibqa’ l-inċertezza. Il-popli jibqgħu idaħħlu idejhom fil-but u jħallu aktar għal fjuwil u prodottti oħra. Dan sempliċiment għax l-Istati Uniti iddeċidiet li tattakka lill-Iran. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport