Erba’ rġiel Griegi mixlija li sawtu kollega tagħhom fir-residenza tiegħu u serqulu diversi oġġetti, ingħataw il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet stretti.
L-imputati huma Papalios Evangelios ta’ 29 sena, Paschalidis Christos Athanasios ta’ 27 sena, Kontogiannis Vasileios ta’ 33 sena u Voulgarakis Spyridion ta’ 30 sena.
Huma jinsabu mixlija li nhar it-12 ta’ Frar li għadda, f’residenza f’Birkirkara, ikkaġunaw ġrieħi gravi fuq Constantinos Siakkas u li serqulu l-kartiera li kien fiha flus kontanti u karti tal-kreditu, żewġt iġkieket u mobile phone.
Huma qed ikunu mixlija wkoll li żammew lill-allegat vittma kontra l-volontà tiegħu, li użaw vjolenza inkluż dik morali u psikoloġika, li laqgħu għandhom ħwejjeġ misruqa jew meħuda b’qerq, li għamlu ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor u li ġarrew sikkina mingħajr liċenzja jew permess mingħand il-Kummissarju.
L-erbat irġiel, li fil-Qorti qalu li kienu jaħdmu fil-qasam tal-iGaming, qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom. Fil-Qorti kien ħareġ li l-allegat vittma kellu jagħti lill-imputati bejn €200 u €300 u dawn tal-aħħar kienu marru fir-residenza tiegħu u allegatament aggredewh u serqulu diversi oġġetti.
Id-Difiża kienet talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati fejn saħqet li l-allegat vittma kien diġà xehed f’dawn il-proċeduri u għalhekk ma kienx hemm biża’ ta’ intralċ tal-provi. Dan filwaqt li l-imputati kienu lesti jaderixxu mal-kundizzjonijiet li timponi l-Qorti.
Min-naħa tagħha, il-Qorti nnutat li diġà kien hemm numru ta’ persuni li taw ix-xhieda tagħhom u li għad fadal żewġ xhieda li għad iridu jixhdu dwar l-inċident, b’wieħed minnhom ikun Spettur tal-Pulizija.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, fid-digriet tagħha b’rabta mal-ħelsien mill-arrest ta’ Christos u Vasileios, qalet li l-Qorti ssibha diffiċli li temmen li ż-żewġ imputati jinsabu f’pożizzjoni li jindaħlu fix-xhieda li se tingħata mill-Ispettur. Barra minn hekk, il-Qorti saħqet li hemm riperkussjonijiet serji jekk dawn jipprovaw jinterferixxu max-xhieda jew jipprovaw jostakolaw il-kors tal-ġustizzja.
Min-naħa l-oħra, l-Imħallef Natasha Galea Sciberras, li semgħet ir-rikors għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ imputati l-oħra – Voulgarakis u Papalios – innotat ukoll li dawn ż-żewġ imputati diġà kienu provdew indirizz fejn se joqogħdu, li għandhom impjieg prospettiv u l-qraba tagħhom lesti biex jgħinuhom sakemm jerġgħu jibdew jaħdmu.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-erba’ imputati ngħataw il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €15,000 kull wieħed, filwaqt li ma javviċinawx lix-xhieda tal-prosekuzzjoni. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma.
L-Avukati Herman Mula, Nicholas Mifsud u Silvan Pulis dehru għall-erba’ imputati. L-Avukat Charles Mercieca deher ukoll għal Evangelios u Spyridon.

