L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qiegħed iħejji ruħu għal sajf li mistenni jkun fost l-aktar impenjattivi fl-istorja tiegħu, hekk kif żieda qawwija fit-traffiku tal-ivvjaġġar se tpoġġi pressjoni akbar fuq l-operat ta’ kuljum. Skont informazzjoni uffiċjali, il-volumi tal-passiġġieri mistennija jilħqu livelli rekord, fejn it-traffiku tal-passiġġieri mistenni jilħaq l-ogħla numri kull nhar ta’ Ħamis
L-awtoritajiet tal-ajruport qegħdin iħeġġu lill-pubbliku biex jasal aktar kmieni mis-soltu qabel it-titjiriet tiegħu bil-għan li jitnaqqsu r-riskji ta’ dewmien. Dan japplika b’mod partikolari għal passiġġieri li sejrin lejn pajjiżi barra ż-Żona Schengen fejn il-kontrolli tal-passaporti qiegħed jieħdu aktar ħin minħabba proċeduri aktar stretti.
Fl-istess waqt, għaddejjin diversi xogħlijiet infrastrutturali biex l-ajruport ikun jista’ jlaħħaq ma’ din iż-żieda fid-domanda. Dawn jinkludu espansjoni tal-parkeġġ prinċipali b’aktar spazji għall-karozzi, kif ukoll titjib ġewwa t-terminal biex jitħaffef il-moviment tal-passiġġieri.
Fost il-miżuri introdotti hemm żieda fil-punti tal-iskannjar tal-biljetti, interventi fiż-żona tal-kontroll tal-passaporti u xogħol fuq aċċess aħjar bejn żoni differenti tat-terminal, inkluż is-sala tal-wasliet u ż-żoni kummerċjali.
Minkejja dawn l-investimenti, l-ajruport qiegħed iwissi li x-xhur tas-sajf jistgħu xorta waħda jġibu magħhom sfidi operattivi u appella għall-koperazzjoni tal-passiġġieri biex il-proċess jimxi bla xkiel.
Fl-isfond ta’ dan kollu, qiegħda tiġi introdotta wkoll inizjattiva biex l-ajruport joffri esperjenza aktar marbuta mal-identità Maltija. Dan permezz ta’ elementi kulturali u artistiċi integrati fl-ispazji tiegħu.
Fl-2025 l-Ajruport Internazzjonali ta’ malta laqa’ aktar minn 10 miljun passiġġier fejn laħaqq rekord tat-traffiku ġdid. Matul is-sena l-gżejjer Maltin gawdew minn konnessjonijiet ma’ 111-il ajruport f’37 suq differenti permezz ta’ titjiriet offruti minn 34 linja tal-ajru. Erbgħa minn dawn il-linji tal-ajru bdew joffru s-servizzi tagħhom minn Malta fl-2025.
L-ajruport iħeħħeħ lil dawk li se jivvjaġġaw biex:
* Jużaw modi alternattii għall-vettura privata tagħhom biex jaslu l-ajruport;
* Iżommu l-likwidi u t-tagħmir elettroniku fil-bagalja meta jgħaddu mill-iskrinning tas-sigurtà;
* Ġgieget, ċintorini u affarijiet fil-bwiet ineħħuhom qabel jgħaddu mid-detectors tal-metall mentri ż-żraben m’għandhomx għalfejn jitneħħew;
* Jipproċedu lejn il-gate tagħhom meta din titħabbar fuq il-monitors; u
* Isegwu s-sinjali li jwasslu għat-toilets u rotot alternattivi.

