Saturday, May 18, 2024

Familja Ġappuniża tisħaq li tilfu lil binhom minħabba 200 siegħa ta’ sahra

Aqra wkoll

Il-familja ta’ tabib ta’ 26 sena fil-Ġappun li miet is-sena l-oħra wara li ħadem għal iktar minn 200 siegħa ta’ sahra f’xahar wieħed, talbet sabiex iseħħ bidla fin-nazzjon. Il-familja spjegat li l-istess nazzjon kien qiegħed ibati minn kultura ta’ xogħol żejjed.  

Takashima Shingo kien qed jaħdem bħala tabib residenti fi sptar fil-Belt ta’ Kobe meta tilef ħajtu f’Mejju li għadda. Skont l-avukati tal-familja,  fix-xahar ta’ qabel il-mewt tiegħu, Takashima ħadem aktar minn 207 siegħa sahra u li ma kellu l-ebda ġurnata fejn ma kienx xogħol għal tlett xhur sħaħ.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-ġimgħa li għaddiet, l-istess Sptar Konan Medical Center fejn kien jaħdem it-tabib żagħżugħ ċaħdu dawn l-akkużi. Min-naħa tiegħu l-korp tal-ispezzjoni tax-xogħol tal-Gvern ħa d-deċiżjoni fejn qal l-mewt ta’ Takashimo kien inċident relatat max-xogħol minħabba s-sigħat twal tiegħu. 

Omm it-tabib, Junko Takashima qalet li binha kien ta’ spiss jgħidilha li ix-xogħol ta’ tabib fil-pajjiż sar wisq stressanti u iebes. Hija żiedet tgħid ukoll li hu qalilha li f’din is-sitwazzjoni ħadd ma seta’ jgħinu għax ir-regoli huma diffiċli ferm biex tbiddilhom. 

Fl-istess konferenza l-omm wasslet messaġġ; “Ibni mhux se jsir tabib ġentili, u lanqas se jkun jista’ isalva lill-pazjenti u jikkontribwixxi għas-soċjetà. Madankollu, nittama sinċerament li l-ambjent tax-xogħol għat-tobba jitjieb sabiex l-istress fuq din il-professjoni tonqos aktar fil-futur”. 

Il-Ġappun ilu ħafna jiġġieled kontra l-kultura persistenti ta’ xogħol żejjed, b’impjegati f’diversi setturi jirrappurtaw sigħat ta’ kastig, pressjoni minn dawk li jmexxu l-kumpaniji u minn dawk li għandhom grad għoli fil-pajjiż. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Ministeru tas-Saħħa, ix-Xogħol u l-Benessri.

Sport