Monday, April 22, 2024

Farsons tirreġistra titjib fir-riżultati tal-ewwel sitt xhur tas-sena

Aqra wkoll

Il-Bord tad-Diretturi tal-Grupp Farsons ħabbar ir-riżultati mhux awditjati tiegħu għas-sitt xhur li ntemmu fil-31 ta’ Lulju 2021. Dan il-perjodu kien milqut bir-restrizzjonijiet tal-COVID-19, għalkemm din id-darba kienu ta’ natura differenti u inqas riġidi minn dawk tal-ewwel sitt xhur sal-31 ta’ Lulju 2020. F’dan il-perjodu il-Grupp kien f’qagħda aħjar biex jikkumbatti l-ħafna sfidi differenti li ġabet magħha l-pandemija permezz ta’ aktar flessibbiltà fil-prattiċi tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni imma, fl-istess ħin, bit-trażżin konsistenti tal-ispejjeż. Il-miżuri tal-gvern li jħarsu l-postijiet tax-xogħol u jsostnu l-ekonomija, kienu estiżi sa wara l-bidu tas-sena. Dawn il-fatturi, flimkien mar-ritorn gradwali tat-turisti u l-isforzi kontinwi tal-Grupp li jilqa’ għad-dinamika tas-suq lokali li qed tinbidel b’pass mgħaġġel, għenu biex żdied id-dħul fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet u wasslu għal titjib fil-marġni tas-setturi kollha ta’ Farsons. 

Fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja attwali l-Grupp irreġistra dħul ta’ €41.6 miljun, li jsarraf f’żieda ta’ 13% mill-istess perjodu matul is-sena li għaddiet li matulu d-dħul kien €36.8 miljun. Id-dħul żdied fis-setturi kollha tan-negozju imma l-aktar fl-operat tal-ħwienet tal-ikel liċenzjati. Bir-raġun, meta tqis li dawn il-ħwienet kienu kważi kollha magħluqin fil-parti l-kbira tal-istess perjodu. Il-profitt qabel it-taxxa kien €5.2 miljun imqabbel mal-€1.6 miljun fl-istess żmien tas-sena l-oħra li kien possibbli bis-saħħa tat-titjib fil-marġni tal-operat. Il-qligħ għal kull sehem attribwit lill-azzjonisti żdied minn €0.053ċ fl-ewwel nofs tas-sena finanzjarja 2021 għal €0.163ċ fl-ewwel nofs tas-sena finanzjarja 2022.

F’dan il-perjodu l-Grupp Farsons baqa’ jissorvelja u jrażżan l-investimenti kapitali tiegħu u żamm biss l-investimenti l-aktar essenzjali għall-proġetti li għaddej bihom u għall-iżvilupp tal-prodott biex jiżgura li jibqa’ innovattiv u kompetittiv. L-akbar investiment attwali tal-Grupp hu tar-restawr u r-riabilitazzjoni tal-Birrerija l-Antika li hi proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ binja importanti li ngħatat l-isem The Brewhouse. Il-faċilitajiet tagħha mistennija jibdew jiftħu gradwalment mill-bidu tas-sena d-dieħla. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Farsons, Norman Aquilina, qal li: “Il-pandemija tidher li se tibqa’ magħna għal aktar żmien, imma jidher ċar ukoll li l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u n-negozji issa huma mgħammra aħjar biex jilqgħu għaliha. Qed nitgħallmu ngħixu bil-COVID-19 u dan tejjeb gradwalment il-kunfidenza tan-negozju u fl-aħħar mill-aħħar fir-riżultati tagħna. Madankollu, l-inċertezza għadha hemm u, għalhekk, jeħtieġ li nibqgħu viġilanti. Importanti li ma nittraskurawx u li ma taħkimniex l-għeja pandemika għax dawn iwasslu għal riskji u perikli serji. Fl-istess waqt għandna għaliex inkunu raġenevolment sodisfatti meta nqisu l-kuntest kumpless u l-isfidi kollha li kellna noperaw bihom tul dawn l-aħħar tmintax il-xahar.”

Is-Sur Aquilina spjega wkoll li, “Għal li ġej qed jinħass li se jkollna sfida minħabba pressjoni u żieda fil-prezzijiet ta’ firxa wiesgħa ta’ materja prima, prodotti u servizzi, inklużi żidiet qawwija fl-ispejjeż tat-trasport marittimu. Jeħtieġ li nibqgħu ffukati, motivati u mimlijin bit-tama ħalli negħlbu dawn l-isfidi.” Huwa irringrazzja wkoll lill-impjegati li baqgħu jikkoperaw u jappoġġjaw il-miżuri li ttieħdu biex jitnaqqsu l-effetti tal-pandemija.

Fil-kumment tiegħu dwar il-prestazzjoni tal-Grupp, iċ-Chairman tal-Grupp Farsons Louis A. Farrugia, qal li: “Għalkemm għadna qed noperaw f’sitwazzjoni ta’ inċertezza, il-Bord hu ottimist b’kawtela li s-suq tal-ikel u x-xorb jibqa’ jirkupra gradwalment fis-setturi lokali u tat-turiżmu. Il-Bord jemmen li l-Grupp qiegħed f’pożizzjoni tajba biex jikseb il-profitt imbassar sa tmiem is-sena finanzjarja, fil-31 ta’ Jannar 2022, kif indikat fit-Taqsira tal-Analiżi Finanzjarja li ġiet ippubblikata fil-21 ta’ Lulju 2021.”

Hu żied li: “Minħabba l-isfidi tal-pandemija, il-Bord ma ħassx li kellu jipproponi li jsir il-ħlas tad-dividend lill-azzjonisti wara l-interim dividend li kien iddikjara f’Settembru 2019. L-azzjonisti pprovdew miljuni ta’ ewro ta’ kapital lill-Grupp matul is-snin. Għalkemm l-isfidi għadhom hemm, bis-saħħa tat-titjib li kellna fir-riżultati tal-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena finanzjarja, il-profitti sinifikanti li għamel il-Grupp, u l-pożizzjoni finanzjarja u ta’ likwidità soda tiegħu, il-Bord hu impenjat li jiddikjara interim dividend lill-azzjonisti li jammonta għal €1.5 miljun, u jfisser €0.05 għal kull sehem.” 

Is-Sur Farrugia qal ukoll li l-Bord se jibqa’ jissorvelja r-riżultati tal-operat, u jekk dawn jibqgħu jitijiebu l-Bord jikkunsidra li jiddikjara interim dividend ieħor modest qabel tmiem din is-sena kalendarja.

Sport