Wednesday, April 24, 2024

Fehmiet kuntrastanti dwar x’inhu u x’mhuwiex femiċidju

Aqra wkoll

Il-qtil u l-istupru ta’ Paulina Dembska fil-bidu ta’ din is-sena xxokkja pajjiż sħiħ. Qtil li ħalla sens kbir ta’ rabja kbira fost il-poplu kollu. Wara dan l-episodju ikrah kif ukoll oħrajn li seħħew qablu, il-Gvern ħa azzjoni wara diversi diskussjonijiet ma’ bosta għaqdiet u organizzazzjonijiet.

Id-diskussjonijiet wasslu biex jiġi ppreżentat abbozz ta’ liġi biex il-fenomenu tal-femiċidju jkun għall-ewwel darba rikonoxxut bħala tali fil-Kodiċi Kriminali ta’ pajjiżna. Bl-emendi kif proposti, Malta issa se tkun it-tieni pajjiż, wara Ċipru, li se tilleġiżla b’dan il-mod u f’dan il-kuntest. 

Sa ftit jiem ilu biss, kien hemm diversi fehmiet u argumenti kuntrastanti dwar x’inhu jew x’mhuwiex femiċidju u jekk il-qtil ta’ mara jew tfajla minn raġel li jkun motivat mill-ġeneru għandux jibqa’ meqjus bħala omiċidju distint minn femiċidju. 

L-għan tal-abbozz hu li jkopri wkoll l-attentat ta’ omiċidju li jkun sar f’ċirkustanzi ta’ tentattiv ta’ femiċidju. Jipprovdi wkoll li ċ-ċirkustanzi femiċidjali ta’ qtil għandhom jimmilitaw kontra l-għoti ta’ pieni mhux ħarxa u kif ukoll li qtil b’karatteristiċi ta’ femiċidju ikun eskluż milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli li jkun twettaq f’mument ta’ passjoni instantanja.

Proprju t-Tnejn li għadda fil-Parlament bdiet id-diskussjoni fuq dan l-abbozz ta’ liġi, bil-Prim Ministru Robert Abela jsostni bl-aktar mod ċar li dawn l-emendi se jkunu qegħdin iservu ta’ spalla għal dawk li qed ibatu fis-skiet. 

Kull mara li tispiċċa vittma ta’ dawn ir-reati hija omm, bint, oħt u ħabiba u għalhekk b’dan l-iżvilupp leġiżlattiv qed jintbagħat messaġġ ċar li l-qtil abbażi tal-ġeneru f’pajjiżna mhux se jiġi tollerat aktar.

Kwalunkwe qtil li kien isir qabel l-emendi li qed ikunu diskussi fil-Parlament, kien meqjus biss bħala omiċidju. Iżda dawn l-emendi se jagħtu aktar direzzjoni ċara ta’ qtil ta’ mara sempliċiment għaliex hija mara. 

Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw liż-żewġ naħat tal-Kamra almenu jaqblu dwar din il-liġi tant li l-Oppożizzjoni stess iddikjarat li se tivvota favuriha. Għalkemm nemmnu li ebda liġi ma tista’ żżomm delitt milli jitwettaq però l-liġijiet qegħdin hemm ukoll bħala deterrent kontra reati maġġuri u minuri. 

Sport