Friday, December 20, 2024

Festival Mediterranju tal-films jittella’ f’Malta

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bejn il-25 u t-30 ta’ Ġunju li ġej se jittella’ f’Malta dak li hu magħruf bħala l-‘Mediterrane Film Festival’ li se jiġbor flimkien disa’ pajjiżi Mediterranji biex tkun iċċelebrata s-saħħa tal-għaqda u l-kreattività f’dan il-qasam.

Dwar sar magħruf f’konferenza stampa lbieraħ li matulha ngħataw id-dettalji kollha dwar dan il-festival u anke x’hemm ippjanat għax-xhur li ġejjin fl-industrija tal-films f’pajjiżna.

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li l-festival se jinkludi konvenzjoni li se tiffoka fuq il-ġbid tal-films u l-kreattività, bil-għan li titkattar il-kollaborazzjoni bejn id-disa’ pajjiżi li għandhom interess qawwi f’din l-industrija, fl-istess waqt li jinħolqu opportunitajiet ġodda ma’ msieħba oħra Ewropej. Minbarra f’hekk se jkunu qegħdin isiru diversi taħditiet, masterclasses, round tables mal-istakeholders fl-industrija u anke screening għall-pubbliku.

Il-pajjiżi tal-MED9 involuti f’dan l-avveniment se jkunu Malta, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, Spanja u Slovenja, pajjiżi li lkoll imissu mar-reġjun tal-Mediterran.

Fid-diskors tiegħu, il-Kummissarju tal-Films enfasizza li, “rridu futur aħjar fil-films għall-ġenerazzjoni li jmiss. Għal dan il-għan se nkunu qegħdin inrawmu ambjent ta’ tagħlim u anke ta’ tkabbir.”

Huwa żied jispjega kif matul il-konvenzjoni se tittella’ konferenza nazzjonali għall-edukazzjoni fil-films li se ġġib flimkien lill-istakeholders kollha involuti. Qal ukoll li se jkunu ddedikati nofs miljun ewro għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-films.

“Huwa għalhekk li llum qed inniedu l-ewwel summer camp għat-tfal ta’ bejn l-10 u l-11-il sena. Proġett pilota li għandu l-għan li jkompli jikber fis-snin li ġejjin. Qed inħejju programm għas-sajf fejn it-tfal tagħna jkollhom l-opportunità li jitgħallmu aktar dwar il-produzzjoni tal-films kemm għaċ-ċinema kif ukoll għat-televiżjoni.”
Il-Kummissarju tal-Films ħabbar ukoll li se jkunu qegħdin jiżdiedu l-fondi għal produtturi ġodda tal-films. Hawn qal li se jitnieda fond ta’ €100,000 li se jservi ta’ appoġġ għal dawk li jipproduċu films relattivament qosra.

Huwa żied jgħid li l-Kummissjoni Maltija għall-Films ser tiffaċilita l-investiment fl-industrija tal-films bil-ħolqien ta’ helpdesk fi ħdan l-istess Kummissjoni biex tgħin lill-industrija lokali tal-films tapplika għal diversi fondi lokali u Ewropej kif ukoll assistenza mas-settur bankarju biex jiġu offruti soluzzjonijiet aktar attraenti għall-finanzjament f’din l-industrija.

“Kisba sinjifikanti għall-industrija tal-films f’pajjiżna”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fisser it-tnedija tal-Festival Mediterranju tal-Films bħala kisba sinjifikanti għall-industrija tal-films f’pajjiżna. Hija wkoll ċelebrazzjoni tal-kreattività u l-kollaborazzjoni u turija tal-potenzjal kbir li għandha Malta fi ħdan l-industrija globali tal-films.

Il-Ministru Bartolo nnota wkoll kif is-sena li għaddiet, din l-industrija ġġenerat f’pajjiżna €85 miljun, li jfisser żieda ta’ 25% mis-sena ta’ qabel. Tenna li l-ħidma se tkompli biex l-industrija tal-films tkompli tissaħħaħ mhux biss f’din is-sena imma anke għas-snin li ġejjin.

Ekonomija

Sport