Ilbieraħ fil-bajja tax-Xlendi ġiet organizzata l-għaxar edizzjoni tal-Gozo Ceramics Festival fejn f’dan il-festival ħadu sehem 45 artist taċ-ċeramika li flimkien ma’ mużika u żfin folkloristiku permess ta’ Seguna Folk Group u l-Menhir Folk Dancers li kienu qed jakkumpanjaw lil dawn l-artisti, ħolqu atmosfera ferriħija f’din il-bajja pittoreska tax-Xlendi.

Dan il-festival li kien organizzat mit-Taqsima tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Munxar kien okkażjoni unika fejn artisti lokali u barranin setgħu jesebixxu l-arti u l-artiġjanat differenti tagħhom waqt li kienu qed juru t-tekniki differenti li jużaw u artiġjani oħra tat-tafal.

Kienet opportunità sabiħa fejn wieħed seta’ jara lill-artisti joħolqu x-xogħlijiet b’idejhom dak il-ħin stess filwaqt il-pubbliku preżenti seta’ jesperjenza din is-sengħa ta’ kif jużaw it-tafal speċiali bħala l-mezz artistiku tagħhom u kif tuża tekniki ta’ tipi differenti għall-produzzjoni taċ-ċeramika.