Wednesday, April 24, 2024

Fi 11-il jum kellu dħul ta’ $1 biljun

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

L-2021 żgur tista’ titqies bħala li kienet sena ferm aħjar mill-2020.  Imma 2021 żgur ma kienitx is-sena fejn morna lura għan-normal f’dik li hi box office tal-films.  Ir-riżultati ta’ kif il-films intlaqgħu huma pjuttost strambi.

Jekk nagħmlu paragun mal-2019, disa’ mill-aqwa għaxar films qabżu d-dħul ta’ biljun dollaru.  “Avengers: End Game” kellu dħul waħdu ta’ $2.8 biljun.  Seba’ mill-għaxar films kienu tal-kumpanija Disney.  Fil-klassifika tal-aqwa għaxra, kollha kienu films minn Holywood.

L-2020 kienet is-sena meta ħadd ma kien jaf kif ser nilqgħu għall-pandemija tal-COVID-19 u l-vaċċinazzjoni kienet għadha tinħema fil-laboratorji.  Fl-2020 ebda film ma qabeż id-dħul il-$500 miljun.  Erbgħa minn dawk bl-akbar dħul kienu produzzjoni Ċiniża u wieħed produzzjoni Ġappuniża.  L-aħjar film Amerikan kien mar “Bad Boys For Life” li kien iddebutta f’nofs Jannar meta kulħadd kien għadu jittama li l-pandemija mhux ser tilħaqna.  Fejn is-soltu il-klassifika tkun iddominata minn films li joriġinaw minn Disney Studios, ebda wieħed mill-aqwa għaxra ma kien minn għandhom.

L-2021 mhux tant hi aħjar għal Disney Studios.  Kellha ħames blockbusters biex tpatti għad-diżappunt tas-sena l-oħra.  Tlieta minn dawn kienu tas-super-eroj maħduma taħt il-bandiera tal-Marvel Studios.  “Shang-Chi” u “Eternals” irnexxielhom jiżgiċċaw ma’ l-aqwa għaxra b’dħul ferm ’il bogħod minn dak mistenni.  “Black Widow” qed jokkupa t-12-il post.  Kemm “Cruella” kif ukoll il-film animat “Encanto” ma għamluhix ma’ l-aqwa għaxra.

Is-salvazzjoni għall-films tas-super-eroj u ta’ Hollywood kien “Spider-Man: No Way Home”.  B’mod inkredibbli, fi 11-il jum sar il-film bl-akbar dħul għal din is-sena u meta anqas ħareġ fit-teatri Ċiniżi.  Sar l-ewwel wieħed mill-pandemija ’l hawn li qabeż id-dħul ta’ biljun dollaru.

Jista’ wieħed jiġbed numru ta’ konklużjonijiet minn dan kollu?

Il-fatt li tlieta mill-aqwa għaxar films huma mill-industrija Ċiniża, jindika b’mod ċar kemm sar kbir u b’episodju mill-gwerra tal-Korea “The Battle of Lake Changjin”; id-drama komika “Hi, Mom”; u t-thriller komiku “Detective Chinatown 3”.

In-nies huma għatxana li jerġgħu jibdew imorru jaraw il-films fuq l-iskrin il-kbir.  Iż-żgħażagħ huma aktar ħerqana mill-kbar u dan forsi jispjega għala “Spider-Man: No Way Home” kellu suċċess fenominali imma l-musical ta’ Steven Spielberg “West Side Story” li hu remake ta’ film li ħareġ sittin sena ilu kellu disfatta enormi.  

“Spider-Man: No Way Home” anke juri t-triq li dawk li jmorru fis-swali taċ-ċinema jridu xi ħaġa differenti mill-films tas-super-eroj wara t-tmien tal-Avengers.  Jidher li din l-idea tal-multiverse niżlet għasel.  Il-Marvel Studios diġa rreaġixxew u l-blocbuster tagħhom fil-bidu tal-istaġun tas-sajf hu “Dr. Strange in the Multiverse of Madness”.  

Il-fattur li films joħorġu fuq pjattaformi diġitali u fis-swali taċ-ċinema fl-istess jum għadna ma nafux eżatt x’inhu l-effett tagħha.  Sa issa, għad mhawx sors indipendenti li juri l-vera dħul li jkollu film meta jintwera online.  Barra minn hekk, diversi pjattaformi diġitali, fosthom l-HBO Max u l-Peacock ipoġġi l-films ġodda tal-Warner Bros. u tal-Universal rispettivament bħala parti minn pakkett.  Id-Disney Studios iħalltu bejn pay-per-view u bħala parti mill-pakkett ta’ films li jintroduċu kull xahar.  Dan ifisser li mhemmx mudell wieħed li fuqu tista’ tibbaża l-istatistika u d-dħul.

U x’hemm lest għal-2022?  Skeda iffullata li tinkludi: “Morbius” (28 Jan); “Death on the Nile” (11 Frar); “The Batman” (4 Mar); “The Lost City” (25 Mar); “Fantastic Beasts: The Secrets of Dumbledore (15 Apr); “Doctor Strange in the Multiverse of Madness” (6 Mej); “DC League of Super-Pets” (20 Mej); “Top Gun: Maverick” (27 Mej); “Jurassic World: Dominion” (10 Ġun); “Lightyear” (17 Ġun); “Elvis” (24 Ġun); “Thor: Love and Thunder” (8 Lul); “Bullet Train” (20 Lul); “Indiana Jones 5” (29 Lul); “Mission: Impossible 7” (30 Set); “Spider-Man: Across the Spider-Verse: Part One” (7 Ott); “The Flash” (4 Nov); “Black Panther: Wakanda Forever” (11 Nov); “Creed III (23 Nov); “Avatar 2” (16 Diċ); “I Wanna Dance with Somebody” (23 Diċ).

Sport