Skont informazzjoni fil-midja Ingliża, mill-2018 s’issa kien hemm aktar minn 200,000 immigranti li qasmu l-baħar bejn l-Ingilterra u Franza. L-istess informazzjoni jidher li din is-sena l-ammont naqas ħafna.
Fil-fatt, din is-sena s’issa qasmu 7,380 immigrant li jfisser tnaqqis ta’ 36% fuq is-sena li għaddiet jew 16% inqas minn kemm qasmu fl-2024.
Il-Gvernijiet Ingliżi fl-aħħar snin kienu qegħdin jipprovaw isibu soluzzjoni mal-Gvern Franċiż biex ma jkunx hemm daqshekk immigranti li jipprovaw jaqsmu b’riskju kbir għal ħajjithom.
L-aktar ftehim riċenti li sar kien f’April li għadda meta s-Segretarja tal-Intern tal-Gvern Ingliż Shabana Mahmood iffirmat ftehim mal-Gvern Franċiż fejn qablu li l-Ingliżi jħallsu £662million biex fil-baħar bejn iż-żewġ pajjiżi jkun hemm sorveljanza kontinwa.
Kemm-il darba fl-aħbarijiet Ingliżi jiġi rraportat li l-awtoritajiet Franċiżi jew Ingliżi salvaw mijiet kbar ta’ immigranti. L-aħħar waħda kienet il-ġimgħa li għaddiet meta l-Franċiżi qalu li kienu salvaw madwar 300 immigrant illegali li pprovaw jaqsmu lejn ir-Renju Unit.
Dawn l-immigranti ħafna drabi jsibu ruħhom f’periklu kbir minħabba li l-baħar bejn l-Ingilterra u Franza fih ħafna kurrenti. Minkejja dan xorta waħda dawn l-immigranti jipprovaw isibu ħajja aħjar minn dik li jkunu qegħdin jgħixu.
Ħafna drabi l-akbar ammont ta’ immigranti jkunu nisa u tfal.
Il-Gvern Ingliż ilu ħafna jipprova jsib soluzzjoni kif ibiddel il-liġi ta’ status ta’ refuġjat. Kien il-Gvern Laburista Ingliż li waqqaf il-ftehim li kien sar fejn dawk l-immigranti li jipprovaw jaqsmu minn Franza u jinqabdu jittieħdu mill-ewwel lejn ir-Rwanda.


