Fi Brussell, il-Ministru Clint Camilleri insista dwar il-ħtieġa ta’ aktar appoġġ għas-sajd artiġjanali u politiki Ewropej li jirrikonoxxu l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Għawdex

Aqra wkoll

Bħala parti mid-delegazzjoni tas-CPMR, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri attenda għal diversi laqgħat fi Brussell fosthom dik mad-DG Mare fejn ġie diskuss il-futur tas-sajd Ewropew u l-politika u l-finanzjament tas-sajd għal wara l-2027. Hawnhekk, tkellem dwar kif il-politika futura tas-sajd trid tipproteġi r-riżorsi tal-baħar filwaqt li tħares ukoll lin-nies u lill-komunitajiet li jiddependu minnhom.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “tkellimna rigward is-settur tas-sajd li jaffettwa b’mod partikolari reġjuni żgħar u gżejjer żgħar bħalma hi l-gżira ta’ Għawdex. Fost l-oħrajn, dwar il-ħtieġa  ta’ finanzjament mhux biss għas-sajjieda, iżda wkoll għas-sajjieda żgħażagħ li jridu jidħlu fis-settur, jew inkella żgħażagħ li huma wlied ukoll sajjieda aktar anzjani. Irridu nibqgħu ninvestu kif sar u qed isir b’mod tajjeb anke fejn tidħol l-agrikoltura anki permezz tal-iskema tal-Young Farmers. Nemmnu li trid tiġi anzi, estiża wkoll għas-sajjieda, jekk verament irridu li s-settur tas-sajd b’mod partikolari s-sajd artiġjanali, sajd li huwa skala żgħira bħalma għandna l-flotta f’Għawdex kif ukoll f’Malta jibqgħu jiġu inċentivati sabiex jibqgħu jagħmlu suċċess. Però, aktar minn hekk ukoll, jibqgħu jwasslu l-prodott tant tajjeb ukoll fuq l-imwejjed tagħna.” Huwa sostna li għal reġjuni insulari, bħal Għawdex, is-sostenibbiltà ambjentali, il-vijabbiltà ekonomika u l-koeżjoni territorjali huma pilastri li jsaħħu lil xulxin u li huma essenzjali għal futur reżiljenti.

Il-Ministru Clint Camilleri enfasizza l-importanza tal-iSmart Specialisation Strategies bħala għodda biex il-prijoritajiet Ewropej jinbidlu f’riżultati konkreti fil-livell lokali u reġjonali. Dan waqt l-intervent tal-għeluq tiegħu fl-avveniment From Policy to Practice: Experience Talks on the Role of Smart Specialisation Strategies in the Future National and Regional Partnership Plans, organizzat minn EURADA u mill-Gvern tal-Gżejjer Baleariċi. Il-Ministru Camilleri sostna li “għal territorji insulari bħal Għawdex, huwa essenzjali li l-politiki Ewropej jirrikonoxxu l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħna, filwaqt li jgħinuna nibnu fuq il-vantaġġi u l-potenzjal lokali.” Huwa kompla jgħid li l-iSmart Specialisation Strategies joffru opportunità biex nidentifikaw in-niċeċ li fihom nistgħu nkunu aktar kompetittivi u nbiddlu l-assi lokali f’opportunitajiet ekonomiċi sostenibbli. Madanakollu, sostna li l-istrateġiji waħedhom mhumiex biżżejjed.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li neħtieġu governanza effettiva, kollaborazzjoni ġenwina bejn dawk kollha involuti u finanzjament aċċessibbli biex niżguraw li l-prijoritajiet tagħna jwasslu għal riżultati tanġibbli għan-negozji, għall-komunitajiet u għaċ-ċittadini. Dan filwaqt li enfasizza li l-ebda reġjun m’għandu jitħalla lura.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport