Thursday, December 19, 2024

Fi Franza: 20 sena ħabs wara li organizza l-istupru ta’ martu minn 50 raġel ieħor

Aqra wkoll

Dominique Pelicot ta’ 72 sena kien ikkundannat piena massima ta’ 20 sena ħabs wara li nstab ħati li organizza l-istupru ta’ martu minn 50 raġel ieħor. Din is-sentenza mogħtija mill-Qorti f’Avignon ġabet fi tmiemu wieħed mill-aktar każijiet xokkanti li seħħew fi Franza. 

Minbarra li rranġa biex jitwettqu dawn ir-reati, Dominique ammetta wkoll għall-akkużi li kien jiddroga lil dik li kienet martu – Gisèle Pelicot – biex ikun jista’ jabbbuża minnha. Dan filwaqt li kien jistieden persuni oħra biex jistuprawha waqt li din kienet tkun mitlufa minn sensiha.

L-irġiel kollha nstabu ħatja minn tal-inqas t’akkuża waħda, bi kważi kollha jinstabu ħatja ta’ stupru fi tmiem ġuri li xxokkja lil dan il-pajjiż u ġibed l-attenzjoni tal-midja internazzjonali. 

Gisèle Pelicot – li llum għandha 71 sena – kienet milqugħa minn numru ta’ persuni barra l-Qorti f’Avignon li bdew jgħajtu “Ġustizzja għal Gisèle” filwaqt li lill-ġurnalisti qaltilhom li kienet se tikkummenta wara li jingħataw is-sentenzi. 

Ġewwa l-binja tal-Qorti hija ħarset direttament lejn kull wieħed mill-akkużati waqt li kien qed jingħata l-verdett. Hija kienet ukoll insistiet li dan il-ġuri ma jinstemax bil-magħluq u li l-Qorti turi l-filmati espliċiti tal-istupru li kien irrekordja l-eks raġel tagħha. 

Minn fost il-51 akkużat, 46 instabu ħatja ta’ stupru, tnejn oħra ġew misjuba ħatja t’attentat ta’ stupru u tnejn oħra li ħebbew sesswalment għall-vittma. Wieħed mill-akkużati ngħata sentenza fl-assenza tiegħu billi għadu maħrub. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport