Tuesday, December 24, 2024

Fi tmiem din il-ġimgħa jitħallsu l-pagamenti tal-In-Work Benefit u l-Carer’s Grant

Aqra wkoll

Fi tmiem din il-ġimgħa ser jitħallsu l-ewwel pagamenti tal-In-Work Benefit u tal-Carer’s Grant għal din is-sena, wara li ftit tal-jiem ilu tħallsu wkoll l-Allowance għall-Carers u l-Allowance Miżjuda għall-Carer. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

Il-pagament tal-ewwel tliet xhur tal-In-Work Benefit, li jkopri minn Jannar sa Marzu 2024, se jilħaq aktar minn 23,262 benefiċjarju bi spiża ta’ kważi €3.5miljun għall-ewwel kwart tas-sena. Minn dawn it-23,262benefiċjarju, 1,023 benefiċjarju ser jirċievu ittra sabiex jipprovdu lid-Dipartiment IBAN number sabiex jitħallsu dak dovut minħabba li huma benefiċjarji ġodda.

Dan il-pagament tal-In-Work Benefit ser ikun qiegħed jinkludi ż-żieda ta’ €50 għal kull wild fis-sena hekk kif tħabbar mill-Gvern fil-Budget 2024. Il-Ministru Michael Falzon sostna li din iż-żieda tikkumplimenta t-twessiegħ fit-threshold tal-In-Work Benefit, sabiex aktar familji jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju.

“S’issa, l-investiment soċjali fuq dawn l-erba’ benefiċċji jlaħħaq kważi t-€8.2 miljun u se jibbenefikaw 25,324 familja, liema investiment sal-aħħar tas-sena ikun qed jilħaq it-€28.5 miljun. Ser inkomplu nsaħħu l-livell t’għajxien tal-familji tagħna għax verament nemmnu f’ġustizzja soċjali,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.

Pagament ieħor li ser jitħallas fi tmiem din il-ġimgħa huwa l-Carer’s Grant, li jingħata lill-ġenituri li ma jkollhomx possibilità li jaħdmu biex jieħdu ħsieb wild b’diżabilità fl-età ta’ aktar minn 16-il sena u l-wild ikun intitolat għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa minħabba li ma jkunx f’pożizzjoni li jaħdem.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musu, spjega li inizjalment dan il-benefiċċju beda jingħata fl-ammont ta’ €300, u issa tela’ għal kważi €5,000 fis-sena, li jammonta għal nofs il-paga minima netta. Fil-fatt, minn Jannar, 2024, u sabiex tiġi riflessa ż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, minbarra ż-żieda tal-COLA, il- pagament ser jogħla b’kollox għal €4,997. Dan ifisser illi min hu eliġibbli ser jirċievi €1,249.25 kull tlett xhur.

Minn din is-sena, il-benefiċjarji tal-Carer’s Grant ser jibbenefikaw minn żieda li kważi tlaħħaq il-€500 fuq l- ammont tas-sena l-oħra. B’kollox, in-numru ta’ benefiċċjarji huwa 416 b’investiment ta’ kważi €520,000 għall- ewwel kwart tas-sena.

Ekonomija

Sport