Wednesday, August 12, 2026
Home Kultura “Fi żmienna ma kellna xejn….bilkemm kellna x’nieklu”

“Fi żmienna ma kellna xejn….bilkemm kellna x’nieklu”

0
16

Kemm ngħidu li l-ħajja lanqas għadha tintgħaraf. Kemm ngħidu li inqaleb kollox ta’ taħt. F’kull lat. L-ikel li nieklu nbidel. Id-djar fejn ngħixu. Il-qalba tal-irħula. Fejn nirrilassaw. Fejn huma l-bars llum? “Ara kif jilbsu llum. Tgħid ma tilbisx bħal ma qed jilbsu llum” jgħidulek diversi anzjani. “Jien kien jiġi missieri jiċċekkjani qabel noħroġ. Min jaf kemm bgħatni nbiddel”.

Imma kif kienu jgħixu l-anzjan tagħna snin ilu? Kif kienet il-ħajja ta’ kuljum tagħhom? Lucy, kienet spiss tirrakkonta dak li kienet tiftakar mill-Ewwel Gwerra Dinjija. Ir-rakkonti tagħha baqgħu magħrufin. Kienet iddikjara li “fl-Ewwel Gwerra, l-akbar nuqqas li kien hemm kien tal-pitrolju. Issemmi kjuwijiet kbar jistennew biex jieħdu flixkun pitrolju, fejn ma kienx jonqos min kien jipprova jqabbeż, u dan kien iwassal għall-ġlied. U fi kliem Lucy, kien spiss ikun hemm okkażjonijiet fejn jinkisru irjus b’xi daqqa’ ta’ flixkun. Il-pitrolju kien bżonnjuż wisq dak iż-żmien. L-ispiritiera biex fuqha ssajjar kienet taħdem bih.”

U sa minn meta tkun fl-iskola….jgħidulek ‘Deffes rasek x’imkien’

“Aħna fi żmienna kienu jħajruna biex indeffsu rasna x’imkien. Kif tagħlaq 14-il sena kienu jibdew jitkellmu u jħeġġuk tibda taħdem. Sa ammont ta’ snin ilu, tgħidx kemm konna naħdmu fis-sajf, wejters, inbiegħu l-ġelati, u xogħlijiet oħra. Llum differenti”, jispjegali l-belti li f’idejh kellu r-rakkonti ta’ Lucy u Ġużeppi.

Ikompli li ‘anki fi żmien ta’ din il-koppja Beltija li qiegħed inkellmek dwarha, is-sitwazzjoni kienet simili. Jekk tara x’kienet tgħid Lucy, metą kellha 14-il sean ħeġġuha tmur taħdem. “Iddeffes rasha x’imkien”. Dan biex fl-aħħar tax-xahar tikkontribwixxi flus għall-familja. 

Kienet soċjetà fejn ma tantx kellek fejn iddur. Lucy tirrakkonta li “jew tkun mas-sinjuri, jew tkun fl-ambjent li tlajna fih aħna”. U sa minn età żgħira Lucy bdiet taħdem fid-dar ta’ Monsinjur. Dan kien jgħix ma’ ommu stess fil-Belt u hi kienet mur issajjar u tagħmel il-faċendi. Damet bejn seba’ u tminn snin imma mbagħad bħal ma kien jiġri f’dik is-soċjetà kellha tieqaf, għax Ġużeppi kien riedha b’martu. Ħalliet ix-xogħol biex taħseb fuq il-familja.

“Din xi ħaġa oħra li inbidlet”, jgħidli l-belti li kont qiegħed nitkellem miegħu. Illum jiżżewwġu u jekk ikollhom it-tfal mhux se joqgħodulek id-dar. Il-mara se tirritorna lura għax-xogħol. Ma rridx niġġudika, għax kulħadd għandu r-realtajiet tiegħu. Il-kapriċċi llum huma kbar. Illum imma jħalluhom man-nanniet jew child care. Jien nista’ ngħidlek minn ulied it-tfal tiegħi. Marru fiċ-child care. Jien u marti llum qbiżna is-sebgħin u ma nifilħux daqstant li nżommuhom kuljum. Nieħdu gost li jiġu għandna imma ma nifilħux għalihom kuljum. Kien ikolli għafsa ta’ qalb meta niftakar li qegħdin iċ-child care. Niftakar fi żmieni. Konna familja kbira. Ommi dejjem laħħqet magħna. Illum imma differenti.”

Sirna antikwati aħna?

“Issa jien mhux se ngħidlek li llum qisu xejn mhu xejn. Narahom l-belt tfajliet u ġuvinturi, kunfidenzi żejda bla mistħija ta’ xejn. Ilbies m’hemmx għalfejn ngħid. Id-dinja inbidlet? Aħna sirna anzjani? Sirna antikwati? Xi ħaġa ġarha. Dak li nara b’għajnejja llum, fi żmienna lanqas konna noħolmuh.”

U llum soċjetà totalment differenti… inħoss li għebet is-sempliċità

Il-Belti jgħidli li “l-istorja ta’ Lucy u Ġużeppi li inżertajt kont nafhom dejjem affaxxinatni. Ħajja sempliċi. Anke kif għexu x-xjuħija tagħhom. Kien hemm ċertu serenità. Ma kienx hemm dik il-ħajja m’għaġġla ta’ llum. Ma kienx hemm dak il-lussu li għandna llum. Kollox sempliċi. Dak iż-żmien ma kienx hemm ir-ristoranti u l-kafeteriji li tara llum. Ma kienux jeżistu l-famużi ‘week end breaks’ ta’ llum. Konna niħdu gost bix-xejn. Naħseb anke inti tiftakar fi tfulitek? Ma kellna xejn. Niġru barra nilgħabu l-ballun. It-toroq kienu jkunu mimlijin nies filgħaxija. Joħorġu siġġu u kulħadd jitkellem u jirrakkonta. Illum meta nħares lura, nistaqsi fejn hi s-sempliċita llum. Spiċċat għal kollox. Illum minn ħaġa għal oħra. Nara mit-tfal tiegħi u minn uliedhom. 

Bla sabar. Iridu jlaħħqu ma’ kollox. Jispiċċaw imma ma jlaħħqu ma’ xejn. Ħajja mgħaġġla li tħallik bla nifs. U meta nara hekk niftakar fl-Arcadia, dak il-moviment li fi żmien il-Barokk ried jiddistakka ruħu minn dak l-istil biex terġa’ tiddaħħal is-sempliċità. Ikolli nagħti parir illum, ikun dak li nirirtornaw għas-sempliċità”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here