Il-Ministeru huwa konxju bis-sħiħ tal-isfidi li qed joħloq il-bagħal taż-żunżan fuq is-settur tan-naħal u ilu jsegwi s-sitwazzjoni mill-qrib permezz ta’ kuntatt regolari mar-rappreżentanti tal-apikultura kif ukoll mal-Kunsill Konsultattiv għall-Agrikoltura (ACC).
Dan iddikjarah il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputata Nazzjonalista Graziella Galea.
Il-Ministru Refalo rrimarka li fil-preżent il-Ministeru mhux biss qed jimmonitorja l-iżviluppi, iżda qed jaħdem b’mod attiv u koordinat mal-partijiet kollha involuti sabiex jiġu implimentati miżuri konkreti li jtaffu l-impatti ta’ dan il-pesti fuq il-kolonji tan-naħal u jsaħħu r-reżiljenza tas-settur fit-tul.
Spjega li l-Ministeru se jimplimenta pjan komprensiv ta’ azzjoni li jinkludi miżuri konkreti, prattiċi u mmirati, fosthom interventi għall-kontroll u l-immaniġġjar tal-problema, appoġġ lin-naħħala affettwati sabiex titjieb il-kapaċità tas-settur li jirreaġixxi għal din l-isfida b’mod sostenibbli, kif ukoll programm ta’ tnissil tan-naħla Maltinja.
Il-Ministru Refalo tenna jgħid li fil-futur qarib, il-Gvern ser ikun qed iħabbar dawn il-miżuri, li ġew żviluppati f’konsultazzjoni mas-settur u li ġew imfassla biex jindirizzaw il-problema b’azzjoni konkreta u effettiva, filwaqt li jipproteġu l-għajxien tal-apikolturi u s-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-għasel f’Malta u Għawdex.
