Thursday, February 20, 2025

Fil-hockey huwa possibli li tagħmel karriera profesjonali llum il-ġurnata … jekk temmen fik innifek u tistinka, tasal – Andre Ghio 

Aqra wkoll

Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-hockey?

L-imħabba tiegħi lejn il-hockey bdiet meta kont Form 1 u l-għalliem tal-Ingliż, is-Sur Vella, beda jħajjarna immorru nittrenjaw il-hockey wara l-ħin ta l-skola. Konna nitilqu wara l-aħħar lezzjoni u nibqgħu sejrin nittrenjaw il-Polythecnic. Minn hemm, wara ftit xhur, l-istess għalliem kien ħajjarna biex nibdew nittrenjaw mal-klabb tal-Young Stars ġewwa l-Furjana. Apparti l-Hockey, kont għamilt ħafna ħbieb li konna nilagħbu l-hockey flimkien u nissoċjalizzaw ukoll. Hemm membri minn dan il-grupp li avolja ħadna toroq differenti, għadna ħbieb.

X’unuri maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek bħala kowċ sa issa kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim?

Fil-kowċing kelli ħafna unuri u nista’ ngħid li rbaħt għal iktar minn darba kull kompetizjoni lokali, kemm dawk tat-tfal kif ukoll tal-kbar. Bħala kowċ tal-1st team, irbaħt il-kampjonat disa’ darbiet, in-Knock-Out sitt darbiet, is-Super Cup 11-il darba u ċ-Challenge Cup tmien darbiet.
Irnexxielna wkoll niktbu l-istorja għall-hockey Malti meta rbaħna erba’ kompetizzjonijiet Ewropej, darbtejn il-Europpean Club Competitions Division 3 (2022 u 2023) u darbtejn oħra id-Division 4 (2014 u 2016).

Peró, l-iktar li għadni niftakar huma, kompetizzjoni li konna lgħabna bl-Under 14 ġewwa San Cataldo, kienet l-ewwel darba li ħadna tfal jilagħbu barra minn xtutnna u konna rbaħna t-tornew. NIftakar ukoll il- kampjonat tal-istaġun 2014/15, meta kienu telqu minn mal-klabb seba’ plejers tal-ewwel tim, daħħalna ħafna tfal minn nursery u rnexxielna nirbħuh ukoll. Ovvjament, il-kompetizzjonjiet Ewropej jibqgħu dejjem fil-memorji tiegħi, speċjalment dawk mirbuħa fit-Turkija u ieħor ġewwa Ġibiltá.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ ta’ Qormi HC.

Preżentement għandna tim mimli bi plejers ta’ talent li kollha telgħu mill-akkademja ta’ Qormi HC. Għandna taħlita ta’ plejers b’esperjenza, plaejers li qegħdin fl-aħjar tagħhom kif ukoll żgħażagħ ġodda. Il-livell nemmen li hu tajjeb u bil-ġenerazzjoni l-ġdida li tiela’ nemmen li l-klabb għandu futur sabiħ.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Sa issa lgħabna żewġ kompetizzjonijiet li huma s-Super Cup u ċ-Challenge Cup, u dawn irbaħniehom it-tnejn li huma. Beda l-kampjonat u bdejna b’żewġ rebħiet tajbin. Peró, għadu kmieni u jistgħu jiġru ħafna affarijiet. Din is-sena saret l-ewwel darba li bdiet il-kompetizzjoni tal-Hockey 5s u wara nofs il-kompetizzjoni, qegħdin l-ewwel b’vantaġġ tajjeb.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragwardi tagħna huma li nkunu kompetittivi f’kull kompetizzjoni ġewwa Malta u nirbħu l-Euro Div3 li se nikkompetu fiha f’Ġunju li ġej ġewwa n-Norveġja.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-hockey.

Kienet esperjenza differenti ħafna minn tal-klabb. Kienet esperjenza pożitiva wkoll, fejn jien pruvajt ngħaqqad l-aħjar talent Malti, kemm bħala plejers kif ukoll bħala staff, biex ingġbu l-aħjar riżultat possibli għal pajjiżna. Naħseb li kien traqawrd li lħaqna fiż-żewġ kompetizzjonijiet li tlajna. Peró, f’dan il-livell irridu nkunu ħafna iktar professjonali biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem. 

Kif tqis il-livell tal-hockey f’pajjiżna fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Nemmen li l-hockey ġewwa pajjiżna huwa ta’ livell tajjeb meta tikkonsidra f’liema stat jintlagħab il-hockey ġewwa Malta. Meta tikkunsidra l-iżvantaġġ li għandna bl-art sintetika li qed tintuża, naħseb li l-klabbs għamlu xogħol tajjeb ħafna. Peró, il-hockey Malti ma jistax jimxi ‘l quddiem jekk mhux se jsir investiment f’art adekwata. Meta mmorru nilagħbu barra minn Malta, l-ewwel logħob inkunu qed naddattaw biex nilagħbu fuq art totalment differenti. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-loghob kompetittiv tagħkom?

Iva, filwaqt li bħala klabb nippruvaw inġibu l-aħjar apparat, minn naħa ta’ art artifiċjali, illum qed nilagħbu fuq art ta’ kważi 25 sena! Mhix art tajba biex isiru kompetizzjonijiet internazzjonali fuqha u partijiet mill-art illum spiċċat. Hemm bżonn investiment biex din l-art tinbidel. Filwaqt li saru diversi kompetizzjonjiet Ewropej ġewwa Malta fil-passat, illum ma jistgħux isiru minħabba l-art inadekwata.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-hockey?

Meta nħares lejn il-futur qrib, nispera li nkomplu nkabbru l-klabb ta’ Qormi HC kemm fis-settur tal-kbar imma speċjalment fis-settur taż-żgħażagħ.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-hockey.

Dan huwa possibli jekk tkun dedikat u tieħu l-affarijiet bis-serjetá. Fil-hockey huwa possibli li tagħmel karriera profesjonali llum il-ġurnata … jekk temmen fik innifek u tistinka, tasal! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport