Zabbar St Patrick FC fetħu kapitlu ġdid fl-istorja ta’ 114-il sena mit-twaqqif tagħhom wara li llum waranofsinhar ġie ffirmat ftehim importanti ta’ investiment mal-imprenditur u investitur Ewropew Dragan Šolak u sħabu.
Il-ftehim ġie ppreżentat u ffirmat uffiċjalment waqt konferenza stampa li saret fiċ-Ċentru Tekniku Nazzjonali tal-MFA, fejn ingħataw aktar dettalji dwar il-proġett u l-viżjoni fit-tul għall-klabb Żabbari.
Permezz ta’ dan il-ftehim, Żabbar St Patrick se jidħlu f’ambjent internazzjonali ta’ diversi klabbs, bil-għan li jibbenefikaw minn esperjenza, għarfien u kollaborazzjoni f’oqsma differenti tal-logħba. Dawn jinkludu l-operat tekniku, ir-reklutaġġ tal-plejers, l-iżvilupp tat-talenti, il-wirja sportiva li jagħtu fil-grawnd u l-amministrazzjoni tal-klabb.
Dan l-iżvilupp seħħ wara Laqgħa Ġenerali Straordinarja li matulha l-membri ta’ Żabbar St Patrick approvaw mozzjoni sabiex l-operat tal-futbol tal-klabb jiġi trasferit għal Sports Private Limited Liability Company (SPLLC).
Skont il-ftehim, Šolak u s-sħab tiegħu se jakkwistaw 65% tal-ishma f’din il-kumpanija, filwaqt li se jġibu magħhom investiment kif ukoll esperjenza miksuba fil-futbol internazzjonali.
L-għan fit-tul huwa li Żabbar St Patrick isaħħu l-istrutturi tagħhom f’kull livell u jiżviluppaw organizzazzjoni professjonali u sostenibbli li tkun kapaċi tikkompeti fost l-aqwa klabbs f’Malta, kemm mil-lat sportiv kif ukoll f’dak amministrattiv.
Il-President tal-klabb Ryan Otto, li ffirma l-ftehim f’isem Żabbar St Patrick, fakkar fil-progress li sar matul dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari l-fatt li l-klabb irnexxielu jistabbilixxi ruħu fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
“F’dawn l-aħħar snin, Żabbar St Patrick stabbilixxa ruħu fl-ogħla diviżjoni f’Malta, bil-klabb jirnexxielu jżomm postu fil-Premier League għal tliet staġuni konsekuttivi għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu. Għaldaqstant aħna rridu nkomplu nibnu fuq dan ix-xogħol tant prezzjuż li sar,” qal Otto.
Il-President Żabbari saħaq li l-proġett mhux maħsub biss biex iġib riżultati immedjati iżda għandu viżjoni ħafna aktar fit-tul.
“Klabb kbir ma jinbeniex għal staġun wieħed, iżda jinbena għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Aħna lkoll qed inħarsu ’l quddiem lejn futur sabiħ għal Żabbar St Patrick. Mhux qed ninvestu fir-riżultat li jmiss, iżda f’dak li dan il-klabb jista’ jsir fil-futur.”
Il-ftehim huwa r-riżultat ta’ proċess estensiv ta’ diskussjonijiet bejn il-klabb u l-investituri l-ġodda. Il-Viċi President Fabio Muscat kellu sehem importanti biex ilaqqa’ liż-żewġ naħat u fid-diskussjonijiet li wasslu għall-ftehim finali.
Muscat tkellem dwar l-għeruq tal-klabb u l-kontribut ta’ dawk kollha li tul is-snin ħadmu biex Żabbar St Patrick jaslu fejn jinsabu llum.
“Dan il-klabb inbena fuq il-perseveranza, ix-xogħol volontarju, it-tama u l-ħolm. Iżda fuq kollox inbena min-nies tiegħu. Illum nistgħu nibdew immorru lil hinn mill-ħolm. Għandna opportunità li ngħollu l-istandards tagħna, insaħħu l-istrutturi u naraw li Żabbar St Patrick kapaċi jikkompetu fl-ogħla livell,” qal Muscat.
Huwa sostna wkoll li l-bidla mhux se sseħħ mil-lum għal għada u li hemm ħafna xogħol xi jsir sabiex jinbnew pedamenti b’saħħithom.
“Meta nibdew dan il-kapitlu ġdid irridu niftakru wkoll f’dawk kollha li wasslu lill-klabb sa dan il-punt fosthom l-eks presidenti u kumitati, il-volontiera, il-plejers u, fuq kollox, il-partitarji tagħna. Aħna qegħdin hawn illum għaliex huma qatt ma waqfu jemmnu f’Żabbar St Patrick.”
Min-naħa tiegħu, Dragan Šolak esprima s-sodisfazzjon tiegħu li se jkun involut f’dan il-proġett, filwaqt li enfasizza wkoll ir-rabta personali tiegħu ma’ Malta.
“Jien u l-familja tiegħi kburin u eċitati li se nkunu assoċjati ma’ proġett daqshekk importanti. Inqis li din l-opportunità għandha tifsira partikolari għalina,” qal Šolak.
Huwa spjega li l-intenzjoni tal-investituri hija li jgħinu lill-klabb jikber b’mod sostenibbli u jissaħħaħ kemm fil-qasam sportiv kif ukoll f’dak operattiv.
“L-intenzjoni tiegħi u tal-kollegi tiegħi hija ċara. Irridu nappoġġjaw tkabbir sostenibbli, insaħħu lill-klabb Żabbari fl-attivitajiet sportivi u operattivi tiegħu u, pass pass, intejbu r-riżultati fil-grawnd. Nafu li progress sinjifikanti jeħtieġ paċenzja, deċiżjonijiet tajbin u rispett lejn l-identità u t-tradizzjonijiet tal-klabb.”
Šolak huwa figura ewlenija fi Sport Republic, grupp ta’ investiment sportiv assoċjat ma’ diversi klabbs Ewropej, fosthom Southampton FC fl-Ingilterra, Göztepe fit-Turkija u Valenciennes FC fi Franza. Huwa kkonferma li l-esperjenza u l-għarfien fi ħdan dan l-ambjent internazzjonali se jkunu jistgħu jiġu kondiviżi ma’ Żabbar St Patrick.
Tkellem ukoll is-sieħeb Vladislav Ratajac, li sostna li għalih dan il-pass imur lil hinn minn sempliċi investiment finanzjarju.
“Għalija dan huwa ħafna aktar minn investiment finanzjarju. Għandi l-ħsieb li nagħti l-ħin, l-enerġija, l-esperjenza u r-riżorsi tiegħi biex ngħin lil Żabbar jilħqu livelli ġodda, filwaqt li jibqgħu leali lejn il-komunità u n-nies li jagħmlu lil dan il-klabb speċjali.”
Ratajac żied li bil-passjoni li diġà teżisti fi ħdan il-klabb, bl-appoġġ ta’ Šolak u bl-esperjenza li tista’ tinkiseb mill-ambjent ta’ Sport Republic, hemm entużjażmu dwar dak li jista’ jinbena fis-snin li ġejjin.
Il-ftehim iffirmat illum waranofsinhar għalhekk jimmarka l-bidu ta’ fażi ġdida għal Żabbar St Patrick. It-tmexxija eżistenti se taħdem flimkien mal-azzjonisti l-ġodda sabiex tiġi stabbilita l-istruttura l-ġdida, bil-mira li l-investiment internazzjonali jingħaqad mal-identità, l-istorja u l-għeruq lokali ta’ klabb li ilu parti mill-futbol Malti għal aktar minn seklu.
