Birkirkara jirritornaw għar-rebħ b’goal f’kull taqsima

Aqra wkoll

Zabbar SP…………………..0

Birkirkara …………………..2

Birkirkara irritornaw għar-rebħ fil-VBET Malta Premier meta b’goal f’kull taqsima għelbu lil Zabbar St Patrick 2-0.

Kienet rebħa li tiswa mitqlu deheb għat-tim immexxi minn Paul Zammit wara bidu mhux daqstant pożittiv tal-istaġun.

Zabbar St Patrick ħasbu li fetħu l-iskor fit-12-il minuta permezz tal-attakkant veteran 

Mario Fontanella, iżda l-gowl ġie mħassar minħabba pożizzjoni ta’ offside.

Tliet minuti wara, indeċiżjoni fid-difiża ta’ Birkirkara setgħet swiet qares lill-Istripes. Vinicius Mendonca Santa Rosa approfitta ruħu mis-sitwazzjoni u pprova jqabbeż minn fuq il-goalkeeper Joseph Fabrice Ondoa Ebogo iżda t-tentattiv tiegħu ma kellux ir-riżultat mixtieq.

Fis-17-il minuta reġgħu kienu Zabbar St Patrick li resqu viċin. Joao Henrique Camargo Mafra sab ftit spazju u ttanta xortih b’xutt li għadda ftit barra mil-lasti ta’ Birkirkara.

Birkirkara wieġbu fit-22 minuta meta Pablo Gabriel Sousa Alves prova xutt lejn il-lasta ta’ Patrik Mohorovic, iżda l-ballun spiċċa barra.

Fil-25 minuta Zabbar reġgħu ħolqu periklu, b’Ondoa Ebogo joħroġ fil-ħin minn bejn il-lasti biex jagħlaq l-ispazju fuq Vinicius u jevita sitwazzjoni perikoluża għall-Istripes.

Man-nofsiegħa logħob, Birkirkara kellhom waħda mill-aħjar azzjonijiet tagħhom. Keith Brewer Jr ikkonkluda lejn il-lasta bix-xutt perikoluż tiegħu jiġi devjat u jispiċċa f’corner.

Fl-34 minuta reġgħu kienu Birkirkara li heddew il-lasta Żabbarija. Franklin Sasere sab ruħu f’pożizzjoni tajba u kkonkluda lejn il-lasta, iżda Patrik Mohorovic kien attent u salva t-tentattiv tal-attakkant tal-Istripes.

Fis-36 minuta Franklin Sasere għal Birkirkara qassam lejn Fernandinho, li minn pożizzjoni tajba kkonkluda lejn il-lasta, iżda t-tentattiv tiegħu ġie devjat f’corner, biex l-Istripes ġew imċaħħda mill-gowl tal-vantaġġ.

Sabiex fil-41 minuta, Birkirkara ngħataw penalty meta l-captain ta’ Zabbar Strahinja Mohorovic waqqa’ lil Zach Muscat fil-kaxxa. Mill-11-il metru, kien FRANKLIN SASERE li xeħet il-goalkeeper naħa u l-ballun naħ’oħra sabiex poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ.

Bl-ewwel taqsima li spiċċat 1-0 favur Birkirkara.

Fit-52 minuta telaq id-dawl tal-Istadium Nazzjonali bil-logħob li tkompla wara għaxar minuti wara li ġiet irranġata l-ħsara.

L-Istripes kienu ferm viċin li jirdoppjaw l-iskor fit-62 minuta, meta kien Amarildo li ħa vantaġġ minn żball difensiv u fajjar xutt ħabat mal-lasta.

Birkirkara ssiġġillaw ir-rebħa fil-91 minuta meta wara cross tajjeb, kien PABLO GABRIEL SOUSA li minn quddiem Strahinja Jovancic ma żbaljax.

Kien hawn li Birkikara kkontrollaw tajjeb minkejja l-isforzi kollha ta’ Zabbar li jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.

Zabbar St Patrick: Patrik Mohorovic, Karlo Brucic, Shelom Magri (Kaiden Fenech 98), M’Mombwa Kokola Charles, Joao Henrique Camargo Mafra (Nicolas Lancioni 46), Jake Micallef, Pah Franck Gouhon (Alfredo Agyeman 90), Strahinja Jovancic, Zean Leonardi (Tobias Andre Moriceau Terrazas 79), Vinicius Mendonca Santa Rosa, Mario Fontanella (Thomas Melillo 46). Coach: Gilbert Agius

Birkirkara: Joseph Fabrice Ondoa Ebogo, Wesley Frazan Bernardo, Jefferson Vinicius Vitor Da Silva (Louis Pahama 79), Zach Muscat, Neil Micallef, Franklin Olanitori Sasere, Shaft Keith Brewer Jr, Pablo Gabriel Sousa Alves, Jake Vassallo, Jose Fernando Gomes Junior (Alexander Dordevic 46), Amarildo Aparecido De Souza Junior (Kadu Ribeiro Durval 79). Coach: Paul Zammit

Player tal-Logħba: Pablo Gabriel Sousa Alves (B)

Referee: Daniel Casha.

Ass. Referees: Duncan Sultana, Mitchell Scerri.

Raba’ Uffiċjal: Glenn Tonna.

Skorers: Franklin Sasere 43 pen, Pablo Gabriel Souza Alves 91 (B)

Ammoniti: Strahinja Jovancic, Tobias Andre Moriceau Terrazas (Ż), Wesley Frazan Bernardo, Jefferson Vinicius Vitor Da Silva (B)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport