Javvanzaw ix-xogħlijiet fuq l-iskola l-ġdida tan-Naxxar

Investiment li se joħloq ambjent edukattiv ġdid għal madwar 1,000 tifel u tifla

Aqra wkoll

Miexi sew ix-xogħol fuq l-iskola primarja l-ġdida tan-Naxxar li se tilqa’ madwar 1,000 tifel u tifla f’ambjent edukattiv modern, inklużiv u mfassal għall-ħtiġijiet tat-tagħlim tal-lum, meta tkun kompluta. B’investiment ta’ madwar €22 miljun, il-proġett se jwassal għal skola ġdida b’46 klassi u firxa ta’ faċilitajiet li se joffru aktar opportunitajiet għat-tagħlim, il-kreattività, l-isport u l-iżvilupp sħiħ tal-istudenti.  

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri u l-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti żaru s-sit tal-iskola flimkien ma’ rappreżentantital-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS), biex isegwu mill-qrib il-progress tal-proġett, hekk kif qed javvanzaw ix-xogħlijiet fuq il-binja l-ġdida. Il-proġett qed jiġi kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea.  

Mifruxa fuq madwar 13,000 metru kwadru, l-iskola se tinkludi 46 klassi, fosthom 20 għall-kindergarten, flimkien ma’ spazji ddedikati għall-arti, il-mużika u d-drama, faċilitajiet sportivi u rikreattivi, multi-sensory room, librerija u sala għal diversi użi. Madwar 3,000 metru kwadru se jkunu ddedikati għal attivitajiet fi spazji miftuħa.    

Il-Ministru Camilleri qal li dan il-proġett huwa parti mill-ħidma kontinwa biex l-investiment fl-infrastruttura edukattiva jissarraf f’ambjent ta’ tagħlim ta’ kwalità, li jwieġbu għall-ħtiġijiet differenti tal-istudenti u jagħtuhom aktar opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet u l-potenzjal tagħhom.

“Meta ninvestu fl-iskejjel tagħna, inkunu qed ninvestu direttament fit-tfal tagħna u fl-opportunitajiet li rridu nagħtuhom għall-futur. Skola moderna għandha tkun ħafna aktar minn klassijiet fejn isir it-tagħlim. Għandha tkun ambjent fejn it-tfal jistgħu jitgħallmu, jesploraw, ikunu kreattivi, jipprattikaw l-isport u jiskopru l-ħiliet u t-talenti tagħhom. Huwa għalhekk li qed ninvestu f’infrastruttura edukattiva ta’ kwalità, inklużiva u maħsuba madwar il-ħtiġijiet differenti tal-istudenti tagħna. L-iskola l-ġdida tan-Naxxar hija eżempju ċar ta’ din id-direzzjoni,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal li “l-edukazzjoni hija pilastru fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna, għaldaqstant, permezz tal-fondi nazzjonali u fondi Ewropej qegħdin ninvestu fis-sħiħ f’dan is-settur importanti permezz tal-proġett tal-bini mill-ġdid tal-iskola primarja fin-Naxxar, biex l-istudenti jkollhom ambjent isbaħ li fl-aħħar mill-aħħar se jgħin fl-iżvilupp akkademiku tagħhom.”

Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS), li qed tmexxi t-twettiq tal-proġett, qed taħdem ukoll biex il-binja l-ġdida tintegra l-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku tas-sit. Tliet faċċati tal-iskola l-antika, li għandhom valur arkitettoniku tal-istil Modern ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, qed jiġu ppreservati u integrati fid-disinn kontemporanju tal-iskola l-ġdida.

Il-Perit Nicholas Inguanez spjega li wieħed mill-elementi ewlenin fid-disinn kien li l-karattru arkitettoniku eżistenti jiġi mħares filwaqt li jiġi integrat f’binja ġdida, aċċessibbli u adattata għall-ħtiġijiet edukattivi tal-lum.  

Ix-xogħlijiet wasslu wkoll għal skoperti arkeoloġiċi fis-sit, fosthom qabar Puniku, ġibjun medjevali u xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Perit Joseph Cachia spjega li l-FTS ħadmet id f’id mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali sabiex dawn il-fdalijiet jiġu ppreservati, filwaqt li saru l-aġġustamenti meħtieġa fid-disinn tal-proġett. Minkejja dawn l-iskoperti, il-faċilitajiet kollha oriġinarjament ippjanati għall-iskola se jinżammu.  

Il-proġett miexi kif programmat. Wara t-twaqqigħ tal-binja l-antika, bl-eċċezzjoni tat-tliet faċċati li qed jiġu ppreservati, sar l-iskavar tas-sit, inbena ġibjun modern għall-ħażna tal-ilma tax-xita u sar xogħol fuq il-pedamenti. Beda wkoll il-bini tas-sala li se tkun taħt il-livell tat-triq.  

L-iskola se tkun mgħammra b’servizzi u infrastruttura ġodda, sistemi ta’ arja kkundizzjonata u ta’ sigurtà, konnettività, għamara li tħeġġeġ aktar l-inklużjoni fit-tagħlim u miżuri għall-effiċjenza fl-enerġija, fosthom pannelli fotovoltajċi. Il-librerija se tkun tista’ tinfetaħ ukoll għall-komunità wara l-ħinijiet tal-iskola.  

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport