Il-Ministru għat-Turiżmu, Jo Etienne Abela, attenda għall-konferenza organizzata mill-MHRA, li matulha ġie ppreżentat il-Q2 2026 Hotel Performance Survey.
Matul il-konferenza ħareġ kif it-turiżmu f’Malta kompla jikber matul it-tieni kwart tal-2026, hekk kif fl-ewwel sitt xhur tas-sena, il-wasliet tat-turisti f’pajjiżna qabżu t-2.1 miljun, filwaqt li l-iljieli mqattgħin f’Malta laħqu aktar minn 11.7 miljun lejl. Dan wassal biex iljieli tal-viżitaturi fl-ewwel nofs tas-sena żdiedu b’10.1% meta mqabbla mal-istess perjodu tal-2025. Aktar minn nofs it-turisti li żaru l-pajjiż għażlu li joqogħdu f’lukandi u guest houses.
Fit-tieni kwart tas-sena biss, il-wasliet tat-turisti żdiedu b’19%, minn madwar 1.11 miljun għal 1.33 miljun, filwaqt li l-iljieli żdiedu b’9%. Fl-istess perjodu, it-titjiriet skedati żdiedu bi 15%, minn madwar 17,700 għal 20,500. L-istħarriġ indika wkoll tkabbir ta’ 19.5% fin-nefqa, minn madwar €1.06 biljun għal €1.21 biljun. Intqal li jekk din ir-rata ta’ tkabbir tinżamm, Malta tista’ tilħaq il-mira turistika stabbilita għall-2035 disa’ snin qabel iż-żmien.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Abela saħaq li Malta trid tkompli tibni fuq is-suċċess turistiku tagħha, filwaqt li tidħol f’fażi ġdida fejn is-suċċess ma jitkejjilx biss bin-numru ta’ wasliet, iżda wkoll bil-kwalità, il-valur ekonomiku maħluq u l-benefiċċji għaż-żoni u l-komunitajiet li jilqgħu lill-viżitaturi.
“Malta llum hija destinazzjoni li taħdem matul is-sena kollha u għandna nkunu kburin bis-saħħa tas-settur turistiku tagħna. Iżda l-ambizzjoni tagħna ma tistax tieqaf mal-għadd ta’ wasliet. Irridu nkomplu ngħollu l-kwalità, nipproteġu s-sigurtà u niżguraw li s-suċċess tat-turiżmu jinħass ukoll fil-komunitajiet tagħna,” qal il-Ministru.
Il-Ministru Abela enfasizza li l-kwalità u l-kwantità għandhom jimxu id f’id, filwaqt li s-sigurtà u l-ordni pubblika jibqgħu fil-qalba tal-politika turistika.
Il-Gvern se jkompli jsaħħaħ il-preparazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-industrija, filwaqt li jappoġġja investiment responsabbli, standards ogħla u operaturi li jħaddmu t-turiżmu b’mod sostenibbli.
Dwar l-akkomodazzjoni, il-Gvern se jkompli jappoġġja operaturi responsabbli u jindirizza każijiet ta’ akkomodazzjoni illegali u ksur serju tar-regoli. “Dan ma jnaqqasx l-ambizzjoni turistika ta’ Malta, anzi jgħolli l-livell ta’ dik l-ambizzjoni,” temm jgħid il-Ministru Abela.
